Fix-xahar iddedikat lill-missirijiet, ser inlaqqgħukom mal-preżentatur tar-radju, Pierre Cordina. Pierre jippreżenta programm ta’ waranofsinhar (drivetime) ma’ Taryn Mamo Cefai fuq BAY Radio. Proprju f’Jum il-Mara, Pierre ħabbar li kien qed jistenna tarbija mal-maħbuba tiegħu Rebecca. Hu sar missier proprju lejliet Jum il-Missier. Tkellimna ftit ma’ Pierre u skoprejna aktar dwar din il-koppja u t-tarbija tagħhom!

Kif iltqajt ma’ Rebecca?

Iltqajna fil-bidu tal-pandemija! Dak iż-żmien ħajti nbidlet, filli kien ikolli avveniment kuljum fejn indoqq u filli xejn. Spiċċajt biex inqtajt min-nies, u peress li ma kontx qed noħroġ ma kontx niltaqa’ ma’ tfajliet lanqas. Dak iż-żmien ma kontx qed infittex relazzjoni għalkemm ikolli nistqarr li qatt ma xtaqt li nibqa’ waħdi.

Darba minnhom xi ħbieb komuni laqqgħuna flimkien u sirna nafu lil xulxin. Niftakar ċar, kien il-Ħadd u kienet qaltli li sejra tagħmel xirja. Pront jien stedintha biex tiġi tiekol għandi għax kelli l-ikel lest. Kont sajjart tiġieġa u jien imdorri naħseb għal ħafna. Rebecca ġiet u għoġobha ħafna l-ikel tiegħi! Minn hemm bdejna niltaqgħu.

F’Ottubru tas-sena l-oħra qaltli li konna qed nistennew tarbija! Għall-ewwel kienet xokk għalija, imbagħad għaraft li dan don kbir minn Alla. Jien qed nikber issa u minn dejjem xtaqt li nsir missier. It-tnejn ħadna gost b’din l-aħbar.

X’għedt meta sirt taf li ser issir missier?

Xokk qawwi! Dak it-tip għedt, din possibbli? Xtaqnieha t-tnejn li aħna għax mill-ewwel tkellimna fuq it-tfal. Ta’ 43 sena trid tiddeċiedi; jew issa jew qatt! Kif għedtlek kien xokk qawwi imma wara ftit sigħat rajna li kien don kbir u bdejna nagħmlu l-kuraġġ biex ingawdu l-mument. Kemm jista’ jkun qed inżomm lil Rebecca kuntenta f’kollox. Ovvjament ħajjitha nbidlet! Ħajti pjuttost baqgħet kif kienet, naħdem kont u naħdem bqajt. Imma hi differenti, hawn tapprezza l-mara u kemm huma speċjali n-nisa!

Kif għedtilhom lil tad-dar bl-aħbar tat-tarbija l-ġdida?

Jien ġej minn familja konservattiva, allura kelli nsib il-mument opportun biex naqsam din l-aħbar magħhom. Il-fatt li ma kontx miżżewweġ, ħsibt li kienet ser taffettwahom. Biss meta għedtilhom ħadu pjaċir! Lil Rebecca jirrispettawha u jħobbuha ħafna. Ommi tgħidx kemm kienet ħerqana li ħa ssir nanna! Min-naħa l-oħra Rebecca bagħtet ritratt tal-pregnancy test fuq il-grupp ta’ Whatsapp tal-familja tagħhom u t-telefown ma waqafx idoqq!

Din l-intervista ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.


Emil Calleja Bayliss