Moviment Graffiti jagħtu aġġornament dwar is-saga tas-siġar tal-Mosta. Huma jibdew billi jgħidu, "Dalgħodu ltqajna ma’ uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħdejn is-siġar tal-fikus fil-Pjazza tal-Mosta. Matul din il-laqgħa, l-uffiċjali aġġornawna dwar il-każ li qajjimna tliet ġimghat ilu fejn instabu ħafna toqob fis-siġar b’likwidu ġo fihom. F’Novembru li għadda, aħna flimkien mal-Mostin konna waqqafna l-qlugħ ta’ dawn is-siġar."

Huma jkompli, "Illum l-ERA spjegaw kif għaddejjin investigazzjonijiet, kemm min-naħa tagħhom u kif ukoll mill-pulizija, sabiex jippruvaw jifhmu min ħaffer dawn it-toqob u għamel din il-ħsara lis-siġar tal-fikus. Għaldaqstant bħalissa qegħdin jeżaminaw sigħat twal ta’ filmati CCVT kif ukoll isegwu informazzjoni oħra li rċevew. Qiegħed ukoll isir ittestjar sabiex jiġi identifikat il-likwidu li tferra’ fit-toqob."

Huma jgħidu, "Fissrulna kif imlew it-toqob b’materjal apposta wara li naddfuhom mil-likwidu li intefa’ ġo fihom. Hemm pjan sabiex fi żmien qasir, is-siġar kollha tal-fikus madwar il-pjazza, jibdew jissaqqew regolarment permezz ta’ sistema t’irrigazzjoni jew b’ilma li jinġieb fuq il-post."

Moviment Graffiti jżidu, "L-aħbar it-tajba hija li hemm ċans li s-siġar ser jgħixu. Ħafna mill-friegħi li kienu ħarġu jidher li nħarqu. Iżda jidher ukoll li s-siġar għadhom ħajjin u qegħdin jippruvaw joħorġu friegħi ġodda. Filwaqt li nirringrazzjaw l-uffiċjali tal-ERA għall-aġġornament tagħhom u għall-kura li qed jagħtu lis-siġar, aħna nimpenjaw ruħna li nibqgħu nsegwu din il-kwistjoni mill-qrib sabiex ir-rieda tal-Mostin li s-s-siġar jinżammu bħala parti essenzjali mill-pjazza tkun imħarsa bis-sħiħ."

Huma jtemmu, "Min għandu xi informazzjoni x’jagħti dwar dan il-każ, anke b’mod anonimu, jista’ jkellem lill-ERA billi jċempel fuq 2292 3500.


Emil Calleja Bayliss