Waħda mil-landmarks fir-Rabat fost diversi siti storiċi oħra ta’ Wirt Kulturali Nazzjonali, hija bla dubju ta’ xejn in-Niċċa ta’ San Pawl tas-Saqqajja.

Niċċa storika li nbniet lura fl-1727 mill-Gran Mastru Manoel de Vilhena, li kien strumentali anki fir-riġenerazzjoni li kienet għaddiet minnha l-belt antika tal-Imdina fis-seklu 18.

Il-Maltin, li kienu mdejqin mill-ħakma Franċiza, jfakkru l-jum tat-2 ta' Settembru, 1798, fejn il-poplu kien inġabar bi ħġaru quddiem din ix-xbieha biex jitlob l-għajnuna u l-protezzjoni ta’ Missieru San Pawl.

Liema post wassal ukoll fejn seħħew l-irvellijiet tal-Maltin kontra l-Franċizi. Din in-niċċa għandha sinnifikat storiku notevoli għaliex kull sena jittella’ programm strumentali mill-Arċikonfraternità ta’ San Ġuzepp proprju fil-festa tradizzjonali tal-Imnarja.

Matul iż-żmien, din in-niċċa, kapulavur fil-ġebla Maltija, tmermret u sarulha diversi interventi ta’ restawr. Madankollu, dak li se ninawguraw nhar is-Sibt, 11 ta’ Mejju 2024 fis-19:00 hu intervent li ħa xhur sħaħ biex tlesta grazzi għall-Komunità Malta li daħlet għall-ispejjeż ta’ dan il-proġett tant għal qalb ir-Rabtin, imwettaq taħt il-ħarsien tas-Sovratendenza għall-Patrimonju Kulturali minn Agius Stone Works li kienu rebħu l-offerta pubblika.

Dawn ix-xogħlijiet ta’ bdil ta’ ġebel u konservazzjoni ta’ aperturi tal-injam u kanċelli tal-ħadid, jammontaw għal madwar €60,000.00 Xogħol li kien jirrikjedi reqqa kbir speċjalment fit-tindif li kien hemm bżonn mill-elementi tat-temp, nugrufun tal-karozzi u irjiħat qawwija li jaħkmu dawn l-inħawi tant esposti għall-elementi.

Il-Kunsill Lokali tar-Rabat flimkien mal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp jistednuk tipparteċipa f’din l-inawgurazzjoni tar-Restawr tan-Niċċa ta’ San Pawl tas-Saqqajja bil-preżenza tiegħek li ssaħħaħ il-fidi tagħna bħala poplu Malti u fl-istess ħin tfakkar ġrajjiet tant importanti ta’ pajjiżna.


Gwida.mt