Il-Pożittivi, dramm ta' Simon Bartolo b'direzzjoni ta' Tony Attard fetaħ għall-pubbliku b'mod virtwali nhar il-Ġimgħa, u aħna kellna ċ-ċans li nkunu minn tal-ewwel li ngawdu dan id-dramm. Dramm divertenti, edukattiv u li jżommok sal-aħħar issegwi l-ġrajjiet tal-karattri li Bartolo sawwar bl-aħjar mod possibbli.

Ma nixtiequx nikxu wisq mill-istorja, iżda d-dramm idur madwar sitt karattri. Karattri li kollha għandhom l-istorja tagħhom, il-passat tagħhom u l-mod kif iħarsu lejn il-ħajja u l-konsegwenzi li sabu ruħhom fihom. Niltaqgħu ma' tliet persuni pożittivi, pożittivi għal HIV u b'mod mill-aktar reali, nesperjenzaw mumenti li ġew preġudikati, mumenti li rċevew tgħajjir u mument li n-nies qrib tagħhom riedu jaħarbu 'l bogħod minnhom.

Wieħed ma jistax ma jfaħħar lill-atturi kollha f'dan id-dramm. Kollha bil-mod individwali tagħhom wasslu l-emozzjoni lis-segwaċi ta' dan id-dramm. Spikkat b'mod partikolari Clare Agius, li kellha karattru kemxejn diffiċli dan minħabba l-konsegwenzi li sabet ruħha fihom f'ħajjitha iżda l-affarijiet malajr jieħdu żvolta oħra. Sal-aħħar jibqgħu jinkixfu affarijiet fid-dramm li ma tkunx qed tistenniehom.

Id-dramm iwasslilna stampa wkoll ta' żewġ żgħażagħ li jiltaqgħu għall-ewwel darba ma' persuna pożittiva u r-reazzjonijiet varji tagħhom. F'siegħa nofs nieħdu togħma varja ta' karattri kumplessi li jeżistu fis-soċjetà tagħna. Fatt interessanti hu li d-dramm huwa msejjes fuq stejjer veri li qasmu l-parteċipanti waqt intervisti anonimi li saru bħala parti mir-riċerka għal dan il-proġett.

Id-direzzjoni kienet fdata f'idejn Toni Attard li għamel biċċa xogħol mill-aqwa fejn l-elementi kollha ngħaqdu flimkien bl-aktar mod interessanti. L-ispettaklu fetaħ nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ġunju u se jkun disponibbli sat-30 ta’ Ġunju 2021. Barra li tgħaddi ftit ħin ta' divertiment, tidħak daħka u ssir taf aktar dwar dan is-suġġett, suġġett li forsi anke int għandek xi pretenzjonijiet żbaljati dwaru. Aħna nħeġġukom li tgawdu din il-produzzjonijiet minn ġewwa djarkom.

Produzzjoni li ġiet iffilmjata bl-aħjar mod possibbli biex tiġbed ir-reazzjonijiet uniċi u ma ttellef xejn mill-fatt li wieħed ma jinsabx isegwi ġo teatru. Is-sett użat hu wieħed sempliċi iżda effettiv li jikkumplimenta l-produzzjoni u l-istorja. Tajjeb li nfakkrukom li Il-Pożittivi huwa adattat għal udjenzi ta’ 15-il sena jew aktar.

Id-dramm se jkun disponibbli on demand fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata, għal 48 siegħa sħaħ. L-ispettaklu huwa bil-Malti u sottotitli bl-Ingliż. Biljetti Eur 10 jistgħu jinxtraw minn HAWN. X'qed tistenna?


Emil Calleja Bayliss