Il-kantanta Celine dion is-sena l-oħra ħabbret li qiegħda tbati mill-marda ‘stiff-person syndrome’, li ġġiegħel il-muskoli tal-persuna jibbiesu. Sors qal lill-gazzetta ‘The National Enquirer’ li l-kantanta ilha ma tidher barra 600 ġurnata, u dan għal raġuni. “Għandha problema biex timxi, u ħsejjes kbar jibdewlha spażmi li faċli tispiċċa taqa’ bihom. Daharha tgħawweġ, u l-ispażmi li għandha ma tkunx tista’ tissaportihom” qal l-istess sors.

Dion ħassret il-kunċerti li għandha f’Mejju li ġej minħabba l-kundizzjoni tagħha, u qiegħda tgħix ma’ oħtha Linda. Claudette, oħt oħra ta’ Celine qalet li m’hemm l-ebda mediċina s’issa li ħadmet, iżda t-tama hi importanti.

B’dan id-diskors, ħafna qegħdin jispekulaw jekk Celine Dion hix ser tkun qed tħabbar it-tmiem tal-karriera mużikali tagħha biex tieħu ħsieb saħħitha.


Nicole Zammit