Angelo "Ġulinu" Muscat, eks plejer tal-futbol ma' Balzan Youths u Sliema Wanderers, ħalliena lbieraħ fl-età ta' 91 sena.

Muscat beda l-karriera tiegħu mat-tim tal-iskola ta' Ħal Balzan. Meta l-membri tal-kumitat tal-Balzan Youths rawh jilgħab, ġibdilhom l-attenzjoni u mal-ewwel beda javvanza. Id-debut tiegħu f'league għamlu fit-Tielet Diviżjoni waqt l-istaġun tal-1953-1954. Dakinhar, skorja tliet gowls.

Fis-sajf tal-1955, b'rakkomandazzjoni ta' Tony Nicholl, Muscat ingħaqad ma' Sliema Wanderers, li dak iż-żmien kienu qed jiksbu suċċessi kbar. Għalhekk għall-bidu lagħab bħala riżerva, malajr sar membru regolari tal-ewwel tim. Fi żmienu mat-tim ta' Tas-Sliema, ċjoè sal-istaġun tal-1961-1962, Muscat ikkontribwixxa sew għar-rebħiet tat-tim, fosthom żewġ kampjonati, ix-Scicluna Cup, u l-FA Trophy. 

Strieħ fis-sliem, Ġulinu.


Bradley Cachia