Graffiti ġodda u vibranti ġew inawgurati fiż-Żonqor, Marsaskala, li biddlu parti minn din iż-żona kostali popolari f’wirja miftuħa ta’ arti urbana. Il-murali juru elementi distinti tal-kultura u l-identità Maltija, b’mod partikulari l-karozzi tal-linja klassiċi oranġjo – simbolu li għal bosta jqanqal memorji tal-passat u jservi bħala tifkira tal-wirt storiku tat-trasport pubbliku fil-gżejjer Maltin.

L-inawgurazzjoni saret bil-preżenza tal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonnett, li qasam ritratti tal-proġett fuq il-midja soċjali.

Din l-inizjattiva hi parti minn strateġija li qed tfittex li tagħti ħajja ġdida lill-ispazji pubbliċi permezz tal-arti, filwaqt li toħloq ambjent aktar sabiħ, attraenti u li jirrifletti l-ispirtu Malti. Proġetti bħal dawn joffru spazju għal espressjoni artistika, filwaqt li jgħaqqdu l-passat mal-preżent b’mod viżiv u kreattiv.


Emil Calleja Bayliss