Ta’ sikwit Evarist Bartolo jaqsam mas-segwaċi tiegħu xi fatti interessanti mill-istorja ta’ Malta, u dawn illum ma naqsux.

Beda billi qal, “L-istoriku Godfrey Wettinger jgħidilna li għall-ħafna sekli f’Malta u f’Għawdex ma nsibux irħula jew bliet qrib il-baħar mal-kosta, ħlief il-Birgu għax kien hemm il-Kastell ta’ Sant Anġlu jiddefendih. Niesna ma kinux jissugraw jgħixu qrib il-baħar għax kienu f’periklu kontinwu li jintlaħqu iżjed malajr minn dawk li kienu jinvadu l-gżejjer tagħna. Ma kinux joħorġu jistadu biex ikollhom x’jieklu minkejja l-baħar kbir li kien idawwarhom b’abbundanza ta’ ħut. Il-baħar kienu jarawh ta’ periklu kbir minħabba l-pirati ta’ Barberija (ix-xatt tal-Afrika ta’ Fuq mill-Eġittu sal-Marokk). Minflok jgħixu mill-baħar, in-nies kienu jaħdmu l-għelieqi fi gżejjer fejn l-ilma dejjem kien skars bin-nuqqas ta’ xita. ”

Żied jgħid, “Pirati barranin u lokali  Fil-gżejjer bi ftit ilma ftit kienu jkabbru ħxejjex u qmuħ fir-raba tagħhom. Tant li dejjem kellna nġibu l-qamħ minn Sqallija għax anki meta kellna popolazzjoni ta’ 10,000 biss ma konniex inkabbru qamħ biżżejjed għalina. Minbarra l-attakki miż-żewġ naħat tal-Mediterran, in-nies tal-għelieqi ġie li kellhom isofru ‘invażjonijiet’ mill-familji nobbli Maltin li riedu jaħtfu l-art għalihom.  Fl-1449 il-familja Desguanes riedet tieħu parti mill-art komuni ta’ Miżieb ir-Riħ.  Fl-1479 ta’ Desguanes riedu jaħtfu iżjed art komuni u jgħaqqduha mal-art li kellhom Għajn Żejtuna fl-inħawi tal-Mellieħa. Għalkemm ir-raħal tal-Mellieħa kien ġie abbandunat, xi nies baqgħu jgħixu f’xi għerien bil-merħliet tagħhom li setgħu jirgħu fl-art komuni tal-inħawi għax kienu art ta’ kulħadd. Imma n-nobbli rieduhom għalihom.”

Temm billi qal, “Ftit għandna dokumenti storiċi li jgħinuna nifhmu x’ġara f’dawk iż-żminijiet ta’ attakki tal-pirati, mard, faqar u ħakma korrotta minn Spanjoli li kienu jħallsu biex jingħataw lil Malta u Għawdex u jiġbru ħafna taxxi biex jieħdu lura flushom li ħallsu lir-re biex jiksbu lill-gżejjer tagħna.”


Charlton Cefai