"Kien miraklu tal-mirakli. Nista' ngħid li ngħoddha b'waħda li għadni ħaj u grazzja kbira minn Alla li kollox seħħ meta la jien, la l-impjegati u lanqas il-konsumaturi ma kienu hemm għax kieku kienet tkun traġedja ħafna ikbar." Dan stqarru Mark Borg Hedley mal-paġna People of Malta dwar l-inċident li ġara tliet snin ilu.
Hu jkompli jgħid, "Kien nhar it-8 ta' Ġunju ta' tliet snin ilu meta l-binja fejn kelli n-negozju tiegħi kkrollat u waqgħet waqt li kien qed isir xogħol biswit. Kienet l-għada tal-festa u kont għadni rieqed meta fis-6:00 ċempilli sid il-binja u qalli biex nitla’ l-Mellieħa għax il-ħanut waqa'. Dak il-ħin lanqas fhimtu x'qed jgħid. Waqa’ x’jiġifieri? Xħin mort fuq il-post, insib il-ħanut terrapin. Kont ilni bin-negozju f'din il-binja sena u nofs. Baqgħet magħrufa bħala l-blokka tal-Mellieħa."
Mal-paġna jirrakkonta, "Sfajt bla xogħol. L-għada li seħħet din it-traġedja ma flaħtx inqum. Għidt lili nnifsi: 'Jien fejn se mmur? X'se nagħmel? Xi nbigħ ma kellix għax issa spiċċa kollox taħt il-frak. In-negozju tiegħi kien sar irmid. Min kellu ordnijiet mingħandi x'nagħtih ma kellix. Iċemplu nies biex jixtru u jien nipprova nispjega li l-binja li waqgħet u ġġarfet fiha kien hemm il-materjal li riedu mingħandi. Spiċċajt litteralment ta' fuqi senduqi. L-informazzjoni kollha li kelli, korrispondenza, irċevuti, ordnijiet...dak kollu li kelli nqered kollu. Immaġina, qisu qatt ma kelli xejn. Ridt ngħajjex familja, minn fejn se nġib il-flus? Kien kważi qabadni break-down."
Hu għamel kuntatt mal-kumpanija tal-assigurazzjoni li gwidah f'kull pass filwaqt li nfetħet inkjesta maġisterjali. Hu jistqarr, "Ngħid li nħossni ffurtunat li din id-diżgrazzja ma ġratx matul il-jum xħin kont inkun xogħol. Kieku illum tlett itfal huma mingħajr missier u l-mara armla. Mill-banda l-oħra, kienet u għadha iebsa biex inniżżilha kemm tlift f'dak li jappartjeni n-negozju tiegħi."
Iżda hu ddeċieda li ma jaqtax qalbu u jerġa' jibni negozju mill-ġdid!
Facebook / Mark Borg Hedley