F’Komolo, it‑Tanżanija, hemm sptar magħmul minn erba’ kmamar biss. Jaħdmu f’dan l‑isptar hemm it-Tabib Brighton u tabib ieħor li jaqsmu l‑ġranet bejniethom. L‑isptar jinsab fil‑kampanja, bogħod minn kollox u minn kulħadd. La għandu infermiera u lanqas ambulanza, madanakollu jservi żona enormi.

Mibni fis‑Snin 80, dan l‑isptar qatt ma ra rinnovazzjoni, għax flus qatt ma kien hemm u l‑prijorità dejjem kienet li jħarsu l‑ħajjiet. It-Tabib Brighton jistqarr kif ta’ spiss ikollu jagħżel lil min jikkura minħabba li għal sigħat twal ikun waħdu, filwaqt li t‑tabib l‑ieħor ikun qed jistrieħ. Huwa jirrakkonta kif darba, waqt li kien qed jassisti mara li kienet qiegħda twelled, ġiet tfajla oħra u sakemm kienet qed tistenna li jmiss lilha, laħqet mietet fuq is‑siġġu.

Għażliet ibsin u ta’ ksur il‑qalb, għax m’hemmx mod aħjar. In‑nuqqasijiet f’dan l‑isptar huma kbar u serji; ingwanti ma jeżistux, l‑għodda hija primittivi u limitata, is‑sodod imsewwijin ta’ kafkaf, is‑saqqijiet magħmulin minn biċċiet tal‑fowm u t‑twieqi ma jingħalqux sewwa; lista li ma tispiċċa qatt.

Naturalment, l‑iktar li jbatu f’din is‑sitwazzjoni huma dawk l‑aktar vulnerabbli, fosthom it‑tfal, l‑anzjani u n-nisa tqal. Mal‑inqas kumplikazzjoni l‑pazjenti jkollhom jittieħdu fi sptar attrezzat aħjar fl-eqreb belt, ħafna drabi fuq mutur qadim li jieħu madwar sagħtejn biex jasal f’toroq mimlijin ħofor u skossi.

Dawn l-erba’ kmamar li jservu ta’ sptar, jaqdu bl‑aħjar mod possibbli diversi ħtiġijiet mediċi, bħall‑kura primarja, xi operazzjoni żgħira u ħlas. Il‑privatezza, kif wieħed jista’ jimmaġina, ma teżistix. Pereżempju, mara li tkun għadha kif welldet u tkun għadha ġejja f’tagħha, ħafna drabi jkollha taqsam l‑istess spazju ma’ pazjenti oħrajn li jkunu qed jiġu kkurati. Apparti d‑dinjità tal‑persuni, dan iżid mhux ftit ir‑riskju ta’ xi infezzjoni u tixrid ta’ mard bla bżonn. Tobba bħat-Tabib Brighton, jafu li dawn m’humiex prattiċi mediċinali tajbin, iżda jafu wkoll li ma jistgħux jagħmlu aħjar.

Missio Malta jemmen li hemm mod aħjar kif dawn l‑eluf ta’ pazjenti li jinqdew fl‑isptar ta’ Komolo jkunu trattati. Matul il-maratona li se ssir nhar is‑Sibt 11 ta’ Marzu, inti tista’ tgħin sabiex it‑tobba f’dan l‑isptar ma jkollhomx għalfejn jagħżlu lil min se jsalvaw meta jagħtu l‑kura tagħhom.

Din hija t-tmien sena li Missio Malta qed jorganizza l-Maratona #hopemissiofest, li din is-sena se taħbat nhar is-Sibt 11 ta’ Marzu. Matul is-snin, bil-fondi miġbura mill-maratona, mill-Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is-sena, Missio rnexxielu jisponsorja diversi proġetti.

Dawn il-proġetti huma mferrxin fil-kontinenti kollha u jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniċi u spieri. Permezz ta’ dawn il-proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi. Din is-sena Missio se jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq proġetti relatati mas-saħħa u l-edukazzjoni fit-Tanżanija. Segwi l-maratona fuq wieħed mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin, bejn il-11am u l-11pm, fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni, tisma’ u tara stejjer bħal din t’hawn fuq, u fl-istess ħin tagħti d-donazzjoni tiegħek. Ċemplu, ċemplu, ċemplu! Grazzi mill-qalb.    

 


Gwida.mt