Il-grawnds ta' Ħal Għaxaq ġew imlewna bil-ħoss tal-mużika u l-ispirtu ta’ karità fi tmiem il-ġimagħtejn li għaddew hekk kif ittellgħu tliet kunċerti straordinarji bil-parteċipazzjoni ta' artisti ikoniċi bħal Umberto Tozzi, Anastacia, Corona, u Prezioso. L-avveniment, li ġibed eluf ta' nies, kien suċċess kbir, u matul il-kunċerti nġabret is-somma ta’ €16,100 għal Dar Bjorn, entità ddedikata biex tappoġġja individwi b'kundizzjonijiet newroloġiċi.

Is-sensiela ta' kunċerti bdiet bil-kantant leġġendarju Taljan Umberto Tozzi. Magħruf għall-kanzunetti eterni tiegħu bħal Gloria, Ti Amo, u Gente di Mare, Tozzi ħa lill-udjenza lura għall-era tad-deheb tal-mużika pop Taljana. Il-vuċi rikka tiegħu u l-preżenza karismatika fuq il-palk, ġiegħlu lill-udjenza tkanta kull kelma, u ħolqu atmosfera mill-isbaħ. Il-prestazzjoni ta' Tozzi kienet taħlita ta' nostalġija u arti. Il-produzzjoni ta' kwalità għolja, li kienet tinkludi ħsejjes u dwal bl-aħħar teknoloġija, saħħet l-esperjenza u għamlitu lejl memorabbli għal dawk kollha li attendew.

It-tieni lejla kienet ikkaratterizzata mill-vuċi b'saħħitha ta' Anastacia. Magħrufa għall-vuċi mezzosopran tagħha u kanzunetti famużi internazzjonalment bħal I'm Outta Love u Left Outside Alone, Anastacia tat prestazzjoni vokalment straordinarja u emozzjonali. Il-preżenza qawwija tagħha fuq il-palk u l-interazzjonijiet tagħha mal-udjenza ħolqu esperjenza intima iżda eċitanti. Il-prestazzjoni ta' Anastacia wriet it-talent u l-versatilità dejjiema tagħha, billi b'ħila għaqqdet il-hits klassiċi tagħha ma' materjal ġdid. L-abbiltà tagħha li tittrasmetti emozzjoni pura permezz tal-mużika żammet lill-udjenza involuta u enerġetika matul il-lejl kollu.

Il-lejl finali fil-Grawnds ta' Ħal Għaxaq niżel għasel ma’ min kull attenda għaliex Corona, DJ Prezioso u artisti lokali ġiegħlu lil kulħadd jiċċaqlaq mal-mużika. Corona, famuża għad-diska tad-disgħinijiet The Rhythm of the Night, kellha l-folla kollha tiżfen u tkanta flimkien, u ħolqot atmosfera ewforika. L-enerġija tagħha u l-kanzunetti ikonċi tagħha kienu perfetti għal matul il-lejl. Warajha, DJ Prezioso żamm l-enerġija għolja bit-tracks tiegħu immexxija b’tant ħila. Is-set dinamiku ta' DJ Prezioso żamm lill-udjenza fuq saqajhom, u għamel żgur li ħadd ma jieqaf jiċċaqlaq. Il-prestazzjoni live ta' Corona u s-set ta' Prezioso kienu finali spettakolari għall-festival Summer Lust ta' din is-sena.

Is-suċċess tat-tliet kunċerti fil-Grawnds ta' Ħal Għaxaq, organizzati minn Għaxaq Music Events, mhux biss kienu prova tat-talent inkredibbli tal-artisti iżda wkoll tal-organizzazzjoni u l-ġenerożità tal-udjenza. Il-lineup diversifikat żgura li kien hemm xi ħaġa għal kulħadd, mill-mużika pop u rock klassika għal mużika enerġetika. Minbarra l-prestazzjonijiet mużikali, l-avveniment kellu komponent ta' karità. Id-donazzjonijiet miġbura għal Dar Bjorn ammontaw għal €16,100. Dar Bjorn, hija ddedikata biex tappoġġja individwi b'kundizzjonijiet newroloġika, se tuża dawn il-fondi biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti tagħha. Is-somma miġbura tirrifletti l-impenn tal-komunità biex tappoġġja kawżi importanti filwaqt li tgawdi minn divertiment ta' klassi dinjija.


Gwida.mt