Musical ġdid bil-Malti u bl-Ingliż, imlewwen bit-tifkiriet tal-era tal-flower power, se jittella’ għall-ewwel darba fit-Teatru Manoel fl-aħħar ta’ Ġunju.

Ibbażat fuq idea tal-Produttur Kreattiv Antoine Farrugia u b’kitba ta’ Simon Bartolo, Ellie, il-Musical huwa ambjentat f’Malta fiż-żmien ikoniku tas-sittinijiet u s-sebgħinijiet, komplut bi lbies tal-moda tal-epoka u repertorju miżgħud b’kanzunetti indimentikabbli minn dak iż-żmien.

Il-musical se jittella’ bis-sehem ta’ kast ta’ artisti brillanti – li qed iħejju biex jieħdu lill-udjenzi fit-Teatru Manoel fuq vjaġġ ta’ nostalġija liema bħalu – fosthom Jeremy Grech, Clare Agius, Alex Portelli, Patrick Vella, Christine Francalanza, Mariah Mangion u Eliza Aquilina. Flimkien ma’ Josette Ciappara bħala direttur, it-tim kreattiv jinkludi wkoll lill-koreografu Warren Bonello, il-coach tal-vuċi Sean Borg u d-direttur mużikali Elton Zarb.

“Jiena persuna nostalġika, speċjalment fejn tidħol dik l-era partikolari. Għadni dejjem nisma’ l-ħsejjes, inxomm l-irwejjaħ u niftakar fil-maġija tas-snin 70 f’Malta – u l-mużika wkoll, m’għandniex xi ngħidu,” qal Antoine Farrugia. “Għal Ellie, il-Musical għandna artisti eċċellenti, kemm ġodda kif ukoll stabbiliti, li se jinterpretaw katalogu vast ta’ mużika minn dak iż-żmien. U rigward il-premiere fit-Teatru Manoel: li taħdem fit-teatru nazzjonali hija ħolma li l-atturi u l-membri tal-produzzjoni qatt ma jirrifjutaw!”  

F’Ellie, il-Musical, għal erba’ żgħażagħ ambizzjużi, il-futur jidher sabiħ. L-istorja pjaċevoli, divertenti u relatabbli ssegwi lil dawn l-erbat iħbieb f’Malta lejn l-aħħar tas-snin 60, li qed jikkompetu kontra xulxin għall-aqwa covers ta’ kanzunetti mill-katalogu ta’ The Beatles, f’avveniment annwali fil-Yellow Music Club. Is-sidien tal-klabb jissuġġerixxu li dawn jingħaqdu fi grupp għalihom – iżda għal tnejn minnhom, Kate u Ellie, awdizzjoni biex ikomplu jistudjaw il-mużika barra jaf tfisser li ma jdumux ma’ jitilqu minn Malta. Għalkemm martu ma tiħux gost, il-ko-proprjetarju tal-klabb jikkuntattja lil maħbuba mill-passat tiegħu f’Liverpool biex jitlobha l-għajnuna, filwaqt li l-ġenituri ta’ Ellie donnhom ma jistgħu jaqblu f’xejn. Hemm xi ċans li fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jaċċetta li l-imħabba hi l-qofol ta’ kollox?

Għall-premiere ta’ Ellie, il-Musical fit-Teatru Manoel nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju, l-ewwel udjenza li se tara r-rappreżentazzjoni tista’ wkoll tilbes ħwejjeġ ispirati mill-istili li kienu moda fis-snin 60 u 70, kif ukoll tkanta u tiżfen waqt l-avveniment esklussiv ‘Zebra Carpet’.

Ellie, il-Musical ilaqqa’ flimkien diversi ġenerazzjonijiet biex jesperjenzaw il-ħajja f’Malta fi żmien ieħor,” żied il-Produttur Kreattiv tal-ispettaklu. “Nixtiequ li l-udjenza tħossha daqslikieku qiegħda fi klabb, tiċċaqlaq u tkanta mas-suċċessi retro ta’ żmien l-imgħoddi.”

Il-wirjiet ta’ Ellie, il-Musical se jittellgħu fit-Teatru Manoel fit-8.30pm nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju, u fl-1, 4, 5, 6, 7 u 8 ta’ Lulju 2023. Din il-produzzjoni hi addattata għal udjenzi li għandhom sitt snin jew aktar. Il-biljetti u aktar informazzjoni jinkisbu mis-sit www.teatrumanoel.mt jew b’email lil [email protected] jew inkella billi ċċempel fuq (+356) 2124 6389. 


Gwida.mt