Chess Galea, isem forsi mhux daqshekk magħruf fix-xena lokali, iżda dawk kollha li jsegwu x-xena mużikali żgur li xi darba jew oħra semgħu biha. Hi kienet waħda mill-Maltin fuq il-programm All Together Now li fih kienet tat wirja pożittiva. Riċentament hi għadha kif ħarġet il-kanzunetta Heal Me li tistgħu ssibu HAWN.

Chess hija bbażata barra minn xtutna u bħalissa tinsab fuq avventura mużikali mill-aqwa mal-grupp Brit Floyd, grupp li se jkun qed jagħmel il-wirja tiegħu f'pajjiżna fil-31 ta' Lulju ġo Ħal Għaxaq.

Aħna ta' Gwida.mt, kellna ċ-ċans li nitkellmu ma' Chess biex niskopru aktar dwar din l-opportunità tad-deheb li qed tgħix. Hi tistqarr magħna, "Irrid nibda billi ngħid li jien kburija u grata ħafna li għandi din l-opportunità, kemm li qiegħda ma’ Brit Floyd imma anke għall-farr li se nġibu dan l-ispettaklu f’pajjiżi."

Chess tispjegalna li hemm konnessjoni personali għaliha, dan minħabba li kien l-ewwel kunċert li qatt rat f'pajjiżna. Hi tgħidilna, "Dan kien l-ewwel kunċert li qatt rajt 18-il sena ilu fil-Belt Valletta, u l-fatt li jien issa parti minn din il-band hija sensazzjoni assolutament inkredibbli."

Hi tkompli tgħid li qisu ċiklu li għamel dawra sħiħa, minn tfajla ssegwi dan il-kunċert għall-kantanta parti minn din il-band inkredibbli. Hi tistqarr li xi ħaġa bħal din tagħtiha ispirazzjoni biex timxi aktar 'il quddiem fil-karriera tagħha u tkompli tagħmel lil pajjiżha kburi, bl-avvanzi tagħha.

Meta staqsejnieha dwar kif taħseb li l-Maltin ħa jirreaġixxu għal dan l-ispettaklu, hi qaltila li r-rispons mingħand is-segwaċi tal-Pink Floyd barra minn xtutna kien wieħed inkreddibbli, b'ħafna mill-fans li marru l-ispettakli tal-grupp oriġinali fis-snin 70, qed jattendu l-ispettaklu tal-Brit Floyd.

Chess tgħidilna, "Hija esperjenza sensorjali sħiħa. Spettaklu tassew memorabbli. Damian, id-direttur mużikali tagħna, huwa profondament metikoluż dwar il-ħolqien ta’ spettaklu li jimxi kemm jista’ jkun mal-ħaġa reali u onestament jirnexxielu." Hi tispjega kif jagħti ħafna attenzjoni għad-dettall u għandu passjoni ammirevoli.

Hi tagħlaq biex tgħidilna, "Il-band kollha huma mużiċisti fantastiċi u nies ammirevoli li jien insejħilhom it-tieni familja tiegħi. Onestament, naħseb li kull min jattendi jkun qiegħed jieħu gost u jkun irridna nattendu sena wara oħra."


Emil Calleja Bayliss