F’pajjiżna mhux neqsin mill-ispettakli mużikali fil-forma ta’ musicals iżda mhux imdorrijin naraw musicals oriġinali spiss, speċjalment dawk bil-lingwa Ingliża. Caravaggio ġewwa l-MCC li fetaħ għall-udjenza lbieraħ qed joffri esperjenza unika.

Esperjenza fejn wieħed jiskopri aktar dwar il-ħajja ta’ wieħed mill-aktar artisti prolifiċi li qatt rat id-dinja – artist li saħansitra qatta’ żmien jgħix anke f’pajjiżna. Artist li għadna ngawdu l-arti tiegħu sal-lum il-ġurnata.

Ritratt: Darren Agius

B’kast magħżul b’reqqa, b’kitba studjata u mirquma mill-pinna ta’ Joe Julian Farrugia, kompożizzjonijiet mill-isbaħ u varjati mill-Mro. Paul Abela, direzzjoni impekabbli ta’ Malcolm Galea, u korjografija ta’ Felix Busuttil, tista’ tgħid li l-musical għandu l-elementi kollha biex jittella’ spettaklu fuq l-ogħla livell.

Wieħed impossibbli li ma jfaħħarx il-prestazzjoni stupenda ta’ Cameron Walker-Pow li għamel il-parti prinċipali ta’ Caravaggio, parti impenjattiva għall-aħħar fejn Walker-Pow juri t-tormenti personali li kellu Caravaggio fuq livell fiżiku u anke fuq livell emozzjonali. Interpretazzjoni li bla ma trid tispiċċa tħoss għal dak li għadda minnu dan l-artist ġenjali.

Ritratt: Darren Agius

L-interpretazzjoni ta’ Neville Refalo u Kateriana Fenech, fil-partijiet tal-Chiaro u Scuro ċertament ikkumplimentaw lil Walker-Pow bl-aqwa mod. Huma ħarġu b’mod aktar ċar il-battalji li kellu Caravaggio ġewwa fih. Żewġ interpretazzjonijiet mill-aqwa u l-udjenza apprezzat il-fatt, li t-teknika li l-aktar kien magħruf għaliha Caravaggio ngħatat il-ħajja permezz ta’ dawn iż-żewġ karattri.

Diffiċli ma ssemmix ukoll l-interpretazzjoni mill-isbaħ li taw Talitha Dimech, Lawrence Gray u Roger Tirazona. Tliet artisti li kellhom il-biċċa xogħol li jinterpretaw żewġ karattri differenti kull wieħed, u għamlu biċċa xogħol impekkabbli f’kull karattru li kellhom.

Ritratt: Darren Agius

Impressjonat ukoll il-kantanta u attriċi żagħżugħa Bettina Zammit li għamlet id-debutt tagħha f’karattru prinċipali fix-xena lokali f’pajjiżna. Ryan Grech u Louis Andrew Cassar ukoll għamlu biċċa xogħol tajba, b’kant mill-isbaħ u interpretazzjonijiet li għenu l-iżvilupp tal-istorja.

Il-kast kollu kien b’saħħtu iżda mertu wkoll imur lill-ensemble li għamlu biċċa xogħol impressjonanti, b’armoniji mill-isbaħ u kumplessi li għenu sabiex il-musical ikompli jieħu l-ħajjab bl-aħjar mod possibbli.

Ritratt: Darren Agius

Dawk kollha li ħa jkollhom ix-xorti li jmorru jaraw dan l-ispettaklu ċertament ħa japprezzaw il-kreattività u l-professjonalità tat-tim kollu wara produzzjoni bħal din. Dawk kollha li jixtiequ jaqtgħu l-biljetti tagħhom jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu HAWN.

Darren Agius


Emil Calleja Bayliss