Waslet il-ġurnata fejn l-ambaxxatriċi Maltija Sarah Bonnici tħalli lil Malta u tibda l-vjaġġ tagħha għal Malmö, fejn ser tirrappreżentana bil-kanzunetta Loop fil-Eurovision Song Contest 2024. Sarah din il-ġimgħa ser ikollha l-ewwel prova fuq il-palk uffiċjali ta' din is-sena.

Malta ser tkun qed tikkompeti fit-tieni semifinali, nhar id-9 ta' Mejju 2024. Tnejn mill-membri minn The Busker, l-ambaxxaturi għal Malta tas-sena l-oħra, marru jsellmu lil Sarah l-ajruport, kif ukoll f'isem il-grupp kollu awgurawlha. Apparti minn hekk, qassmu filmat umoristiku għall-okkażjoni.

Il-filmat maħdum minn The Busker stess juri lil Sarah għaddejja bil-bagalji lejn l-ajruport, meta jwaqqfuha David u Jean Paul biex ixejjrulha u jawgurawlha. Ħin minnhom iduru u jġibu lil wiċċ Sean ukoll, membru ieħor ta' The Busker li jidher li ma setgħax ikun hemm illum.

Fuq il-paġna uffiċjali ta' Eurovision Song Malta ttella' anke filmat tal-ewwel kummenti ta' Sarah qabel tħalli Malta. Il-preżentatriċi Angie Laus kienet l-ajruport ma' Sara u l-kontinġent Malti fejn staqsietha xi affarijiet dwar kif qed iħossha u dak li hemm preparat.

Sarah tinsab lesta u indubjament ħerqana biex dak li hi u t-tim tagħha ilhom xhur sħaħ jaħdmu fuqu, jħalli l-frott tiegħu fuq dak il-palk grandjuż. Angie tħabbar anke li kuljum fuq TVM qabel l-aħbarijiet tat-20:00 ser ikunu qed jagħmlu kollegament mat-tim Malti ġewwa Malmo.

F'isem it-tim ta' Gwida.mt nawgurawlek l-isbaħ avventura u l-aqwa suċċessi għażiża Sarah! Aħna diġà kburin bik - ejja minn hemm! Forza Malta, Forza Sarah!


Kyle Zarb