"F’għeluq l-erba' snin minn mindu ħallejtna. Qatt minsi - tibqa' f’qalbna għal dejjem," b'dawk l-erba' kelmiet u l-kanzunetta li ħareġ dan l-aħħar Kevin Borg, Jason sellem lill-kunjatu tiegħu, l-awtur Sunny Aquilina.

Il-kanzunetta Tlaqt Ħabib, miktuba minn Jason flimkien ma' martu Marcon hi dedikazzjoni mill-isbaħ lejn Sunny. Sunny u Jason nafuhom bħala t-tim wara l-kanzunetta The One That I Love ta' Chiara u My Dream ta' Thea Garrett fost numru ta' suċċess oħra. Żewġ kanzunetti li minkejja l-fatt li telgħu għall-Eurovision, insibu wkoll il-verżjoni Maltija tagħhom, Lilek Inħobb u Ħolma.

Sunny dejjem ħabb il-mużika Maltija u meta ħalliena, Malta tassew tilfet awtur ta' stoffa li dejjem stinka biex imexxi l-kanzunetta Maltija 'l quddiem. Xhieda ta' dan huwa l-kliem impreazzabbli li qal Sunny meta l-kumitat tal-Għanja tal-Poplu premjawh bit-titlu u r-rikonoxximent, L-Għanja Li Tibqa' għax-xogħol siewi li dejjem preżenta.

Aħna f'isem it-tim ta' Gwida.mt, insellmu l-memorja ta' Sunny Aquilina u nirringrazzjawh tal-ġawhar sbieħ li ħalla warajh.


Emil Calleja Bayliss