Il-Eurovision Song Contest hu spettaklu li tista' tgħid isegwi kulħadd! Spettaklu li l-Maltin, iħobbuh jew le, jintefgħu jarawh u jikkritikawh. Jidher li l-kritika lejn dan il-festival taf tkompli tiżdied hekk kif l-EBU ħabbru li mill-edizzjoni ta' din is-sena ħa jkun hemm tibdil ta' kif jinħadem ir-riżultat tal-kanzunetti finalisti.

Huma ħabbru li n-nies biss ħa jiddeċiedu min jikkwalifika għall-finali tal-Eurovision Song Contest. Dan ifisser li l-voti tal-ġurija ħa jkunu eliminati kompletament mis-semifinali ta' dan il-festival segwit minn miljuni ta' nies. Dan jagħmilha aktar diffiċli għal ċerti pajjiżi li jkollhom riżultat iktar b'saħħithom mal-ġurija.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sena li għaddiet, pajjiż partikolari wasal fil-finali tal-Eurovision Song Contest grazzi għall-voti tal-ġurija għax ma kien irċieva l-ebda vot mill-pubbliku. Fil-finali, il-ġurija flimkien mal-pubbliku jiddeċiedu r-riżultat finali. L-unika differenza hija li n-nies ħa jkunu jistgħu jivvutaw online minn pajjiżi li saħansitra mhux jieħdu sehem fil-Eurovision Song Contest.

X'taħseb dwar din il-bidla drastika u ċ-ċansijiet ta' pajjiżna?

Facebook / Eurovision Song Contest


Emil Calleja Bayliss