Wara li kklassifikajna fl-aħħar post fl-ewwel żewġ attentati tagħna fil-Eurovision Song Contest lura fl-1971 (Joe Grech b'Maria l-Maltija) u fl-1972 (Joe u Helen, bl-Imħabba), u wara l-parteċipazzjoni ta' Renato fl-1975, kien ġie deċiż li Malta ma tibqax tieħu sehem f'dan il-kuntest mużikali.

Iżda wara waqfa ta' 16-il sena, proprju bħal-lum 33 sena ilu, fl-4 ta' Mejju tal-1991, Malta reġgħet stabilixxit ruħha f'dan il-kuntest mużikali, u baqgħet tipparteċipta sena wara l-oħra.

Dis-sena l-kantanta bravissima Sarah Bonnici sa tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna bil-kanzunetta Loop, f'Malmö ġewwa l-Isvezja.

Minkejja li fil-passat qatt ma rnexxilna niżguraw l-1 post, madankollu bosta jsostnu li dan xorta waħda huwa ta' ġid għal pajjiżna hekk kif il-kantanti jingħataw l-opportunità li jistabilixxu rwieħhom internazzjonalment. Dan fid-dawl ta' kritika qawwija sabiex pajjiżna ma jieħux sehem iżjed f'dan il-kuntest.

Intant, oħrajn isostnu li xorta waħda m'għandnix nibqgħu nipparteċipaw, aktar u aktar minħabba ċ-ċokon tal-poplu tagħna li jagħtina żvantaġġ ewlieni fil-proċess tal-voti.

Intom x'taħsbu?


Cristian Tonna