Esperjenza teatrali b'differenza fejn kull persuna li attenda, ra xi ħaġa unika! Probabbli qed tistaqsi kif seħħ dan, u kif in-nies attendew għall-istess spettaklu u raw affarijiet differenti minn xulxin. Ir-raġuni hija waħda, kienet esperjenza teatrali fid-dlam u b'hekk kull min attenda kellu ċ-ċans li joħloq id-dinja tiegħu skont dak li beda jisma', skont dak li beda jħoss u jxomm. Produzzjoni fejn is-sensi l-oħra kellhom iċ-ċans li jifjorixxu.

Biċċa xogħol brillanti mtella' minn Teatru Malta b'mużika u kliem ta' Luke Saydon, il-moħħ wara żewġ musicals lokali ta' suċċess, Hush u It-Teatru tal-Miskin. Produzzjoni li hija parti mill-avvenimenti li għaddejjin f'pajjiżna bħala parti mill-EuroPride. Aura ssewgi storja ta' tifla ta' tmien snin li toħodna fil-gżira immaġinarja tagħha Aura. Ir-raġuni wara dan tiskopruha meta tmorru taraw dan l-ispettaklu li fetaħ it-Tnejn li għadda u għandu għaddej sa għada l-Ħamis.

L-atturi u l-kantanti mhux ħa tarahom, se tisma' l-vuċijiet tagħhom isaħħruk minn ġol-headphones u jkollok iċ-ċans li ssir taf min kien hemm wara l-karattri kollha fl-aħħar tal-ispettaklu. Kast internazzjoni magħmul minn Rachel Fabri, Jake Sawyers, Sandie van Brockdorff u William Shakleton, kast li għamlu biċċa xogħol impekkabbli u li bejnietom taw il-ħajja lil diversi karattri, 18 biex inkunu preċiżi.

It-tim kreattiv magħmul minn Luke Daydon, Marta Vella, Vikesh Godhwani, u Matteo Depares għamlu biċċa brillanti biex taw l-ispazju lill-udjenza tibni d-dinja tagħha. Jekk għandkom iċ-ċans titlufx li tmorru taraw Aura, esperjenza differenti għall-aħħar bi storja kommoventi u b'saħħitha, fejn diversi talenti jingħaqdu flimkien biex joffru esperjenza unika.

Prosit lil kull min b'xi mod jew ieħor għen biex din il-produzzjoni tiegħu l-ħajja u tkun ta' suċċess. Idħlu HAWN għal aktar informazzjoni.


Emil Calleja Bayliss