Kellymni: Episodju 29 - Maria Formosa
Maria Formosa titkellem ma’ Melanie Kelly fuq il-vjaġġ tagħha u ta’ Bjorn. Vjaġġ li jaf il-bidu tiegħu minn kien għadhom żgħażagħ eżatt kif spiċċaw is-sekondarja, iżda donnu d-destin reġa’ ġabhom flimkien grazzi għall-karattru ta’ Maria. Żgur li dan ma kien vjaġġ faċli xejn u ħa tiskopru aktar dwar il-kuraġġ tagħhom waqt Kellymni.
46 minuta
Melanie Kelly titkellem ma’ Maria Formosa, il-mara ta’ Bjorn Formosa, li spiċċat barra li tgħin lil Bjorn, qiegħda tgħin ukoll tant u tant pazjenti oħra li llum il-ġurnata jgħixu f’DAR Bjorn. Barra li tagħti daqqa t’id lilhom, tgħin ukoll lill-għeżież tagħhom.
Maria titkellem dwar il-passatempi li kellha tul is-snin, dwar kif iltaqgħet ma’ Bjorn u kif bdiet ir-relazzjoni tagħhom. Hi tidħol fid-dettall dwar kif infaqgħet tibki u ma setgħetx tieqaf meta Bjorn saqsieha biex tkun martu. Imma r-raġuni mhux waħda li qed tistennew żgur!
Hi ħa taqsam l-esperjenzi tagħha dwar xi tfisser li tgħix ma’ persuna li għandu l-bżonnijiet li għandu Bjorn, iżda wkoll titkellem dwar il-kuraġġ li Bjorn ħares lejn l-ALS u dak kollu li kien ġej għalih.
Barra minn dan, Maria titkellem ukoll dwar it-telfa għażiża ta’ missierha li ġrat tul l-aħħar xhur. Telfa li ma kinitx qed tistenna u għadha sal-lum il-ġurnata tipprova taċċetta din ir-realtà.
Waqt il-podcast hi ssemmi wkoll il-proġett li qed jaħdmu fuqu. Il-pass li jmiss għal DAR Bjorn u kif tant pazjenti flimkien mal-maħbubin tagħhom ħa jgawdu minn dan il-proġett!
Żgur li grazzi għal Kellymni se tiskopru aktar dwar Maria u wkoll dwar ir-relazzjoni tagħha u Bjorn, kif ukoll DAR Bjorn.