Biex tipprepara għall-Milied trid tieħu ħafna deċiżjonijiet, iżda hemm tradizzjoni waħda ta’ żmien il-festi li għal ħafna nies hija ben fatta. “Sa minn tfuliti, li mmur nara l-panto mal-familja tiegħi dejjem kienet parti mill-qofol tal-vaganzi tal-Milied,” qal Gianluca Mifsud, li se jirreċta l-parti tal-Mostru fil-pantomima ta’ din is-sena Beauty and the Beast.

Flimkien ma’ Mifsud, fost il-kast hemm Hannah Spiteri fil-parti ta’ Belle u l-ikoniku Alan Montanaro bħala n-Nanny tagħha – id-dama ta’ din il-pantomima – li f’daqqa se jagħtu laqta ġdida a la panto lil din il-ħrafa famuża li ssegwi lil Belle fl-avventura tagħha hi u tfittex lil missierha li għeb.

Bħala artisti performattivi żgħażagħ, Spiteri u Mifsud iħossuhom onorati li se jkunu fuq l-istess palk ma’ attur li ismu huwa daqstant marbut mal-panto f’Malta. “Qed nieħdu ħafna u ħafna gost,” stqarr Spiteri. “Qatt ma tkun taf biex ħiereġ Alan, u biċ-ċajt kollu tiegħu l-iktar ħaġa diffiċli hi li tipprova żżomm id-daħq, kemm waqt il-provi kif ukoll waqt il-wirjiet għall-pubbliku!”

Filwaqt li Montanaro jista’ jkun sinonimu mal-panto – u bis-saħħa t’hekk ħa l-laqam ‘Pantonaro’ – għalih il-pantomima saret sinonima mal-Milied. “Kull sena nistaqsi lili nnifsi għaliex nibqa’ niġi lura għaliha, imma naħseb nixbah xi ftit il-herpes,” qal b’ċajta. “Ikolli ngħid tant ili nagħmilha li saret tfisser il-Milied għalija. Togħġobni l-interazzjoni immedjata mal-udjenza, l-ispirtu pront u s-sospensjoni tal-inkredulità fuq wiċċ it-tfal. Milied bla panto huwa bħal kejk mingħajr iċ-ċirasa fil-wiċċ – u jien inħobbha ċ-ċirasa.”

Għalkemm l-atturi huma indispensabbli, panto ta’ suċċess isserraħ ukoll fuq l-iskritt, ix-xenarju u l-kostumi – u la qed insemmu l-kostumi, Mifsud se jkollu jaddatta ruħu għal ferm iktar minn sempliċi parrokka u rtokk stravaganti sabiex jittrasforma ruħu fil-Mostru. “Peress li se nkun liebes maskra, qed ninduna li se jkolli niddependi aktar fuq il-movimenti fiżiċi biex inwassal l-emozzjonijiet tiegħi,” spjega. “Madankollu, it-tim fantastiku tax-xagħar u l-irtokk ħolqu maskra li tiġini perfetta u tħallini nitkellem u nkanta liberament mingħajr wisq xkiel.”

Montanaro żied jgħid li l-kostumi għal din il-produzzjoni huma fost l-aqwa li qatt ra. “Mhux hekk biss, iżda s-sett huwa spettakolari u l-iskritt mexxej u divertenti ħafna,” kompla jgħid. “Hemm il-maġija għat-tfal kif ukoll doża tajba ta’ satira u ‘pastażati’ ħelwin għall-kbar. Nemmen ukoll li din is-sena se jkun hemm stilla ġdida fuq il-palk: qatt ma naf li ħdimt ma’ kor daqshekk professjonali u ta’ talent. Il-frott tal-iskejjel tad-drama tagħna issa misjur u nħossni kburi li qed naħdem ma’ wħud mill-istudenti tiegħi stess."

Il-pantomima tal-MADC Beauty and the Beast se tittella’ fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta, mit-22 ta’ Diċembru 2023 sas-7 ta’ Jannar 2024, b’wirjiet matinee kif ukoll filgħaxijiet. Il-booking jinsab miftuħ minn www.teatrumanoel.mt. Min jixtri l-biljetti għall-wirjiet ta’ nhar l-Erbgħa 3 u l-Ħamis 4 ta’ Jannar 2024 igawdi minn skont ta’ 10%. Din il-produzzjoni hi appoġġjata minn Benna, Dee Spas u Welbee’s. Addattata għal udjenzi mill-età ta’ 3 snin ‘il fuq.


Gwida.mt