Din il-ġimgħa, it-tielet edizzjoni tal-festival lokali Mużika Mużika! Tliet serati li ħafna u ħafna Maltin jinsabu ħerqana sabiex jaraw! L-ewwel serata tal-Ħamis, ħa nkunu qed nisimgħu l-20 kanzunetta oriġinali għall-ewwel darba, filwaqt li fis-serata tal-Ġimgħa, il-kantant jingħaqdu ma' kantanti oħra li żgur m'għandhom bżonn ta' ebda introduzzjoni, biex iwasslulkom silta popolari bil-lingwa Maltija!

Fl-aħħar tas-serata, jitħabbru t-tnax-il kanzunetta li se jkunu qed jikkompetu biex nhar is-Sibt jirbħu t-tielet edizzjoni ta' Mużika Mużika. L-ewwel rebbieħ kien Glen Vella bil-kanzunetta tiegħu Ħarsa Biss fuq kompożizzjoni ta' Philip Vella u lirika ta' Joe Julian Farrugia filwaqt li s-sena li għaddiet il-kanzunetta Bla Tarf ta' Kurt Calleja ħarġet rebbieħa. Il-kanzunetta kellha kliem ta' Kurt Calleja fuq kompożizzjoni ta' Kurt Calleja flimkien ma' Peter Borg u Aleandro Spoteri Monseigneur.

Fatt interessanti fl-edizzjoni ta' din is-sena hu li żewġ kantanti ħa jkunu qed iħallu d-direzzjoni tal-orkestra proprju f'idejn l-għażiż missierhom. Il-kantanta Petra Zammit, li qed tinterpreta l-kanzunetta Miegħek Tiegħek ħa jkollha lil missierha jmexxi l-kanzunetta, il-Mro. Raymond Zammit filwaqt li Martina Borg li ħa tinterpreta l-kanzunetta L-Aħħar Darba, ħa jkollha lil missierha l-Mro. Paul Borg imexxielha l-orkestra. Lil Paul Borg żgur li kulħadd jafu permezz tal-Versatile Brass.

F'isem it-tim ta' Gwida.mt, nawguraw lill-kantanti, kompożituri u awturi kollha li ħa jkunu qed jieħdu sehem. Ninsabu ċerti li ħa joffrulna spettaklu mill-isbaħ li l-kanzunetta Maltija tassew jirxraqilha!


Emil Calleja Bayliss