Il-preżentatur, kittieb u attur lokali Joseph Agius jaqsam storja fuq il-mezzi soċjali tiegħu li żgur tħalli togħma pożittiva.

Hu jikteb, "Ftit ġimgħat ilu sibt għal bejgħ ġo Charity Shop Identifiacation Card/Ċertifikat tal-Università ta’ xi ħadd bl-isem ta’ Godwin Saliba u li kienet tmur lura għall-bidu tas-snin ħamsin. Xtrajt iċ-ċertifikat għax ħassejt li kien wisq oġġett personali biex ikun għall-bejgħ f’Charity Shop u l-intenzjoni tiegħi kienet li jekk għadu ħaj insib lil persuna, jekk le lil familjari tal-persuna biex ngħaddilhom dan id-dokument."

Hu jkompli jirrakkonta, "Tellajt ritratt u tlabt għall-għajnuna fuq il-paġna ta’ Nostalgia Malta, wara ftit minuti bdejt nirċievi messaġġi u kummenti fuq ir-ritratt ta’ nies li għarfu l-persuna. Skoprejt li dan Godwin Saliba apparentament kien qassis mill-Furjana li ħalla din id-dinja f'nofs is-snin disgħin. Kien qassis maħbub ħafna u supporter kbir tal-Furjana FC."

Joseph iżid, "Wara ftit ukoll nirċievi messaġġ mingħand xi ħadd Noel Parnis li qalli li hu n-neputi ta’ Father Godwin iżda li jgħix barra minn Malta. Lil Noel għidtlu li l-intenzjoni tiegħi dejjem kienet li nsib familjari li nkun nista’ ngħaddilhom dan iċ-ċertifikat u fthemna li niltaqgħu meta kellu jiġi jżur Malta ftit ġranet wara."

Hu jtemm jgħid, "Il-ġimgħa l-oħra kelli ċ-ċans sabiħ li niltaqa' ma' Noel u l-mara tiegħu Natalie. Kienet esperjenza sabiħa ħafna, sirt naf aktar fuq Father Godwin u anka sirna nafu lil-xulxin. Nista' ngħid mhux biss sirt naf nies ġodda imma għamilt ħbieb ġodda. Grazzi kbira minn qalbi lil min għeni biex sibt lil familjari ta' Godwin, grazzi kbira ukoll lil Noel u Natalie tal-ħbiberija tagħkom, nispera li nerġgħu niltaqgħu ma ndumux."

Facebook / Joseph Agius


Emil Calleja Bayliss