Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, The People of Malta laqqgħu lis-segwaċi tagħhom ma’ mara li għal qalbha għandha l-mużika. Sa minn meta kien għadha ċkejkna kienet diġa tħobbha u għada sal-lum dilettanta.

Huma bdew billi qalu, “l-mużika togħġobni ħafna. Minn meta kelli 5 snin kont diġà mdorrija fil-mużika. Il-papa’ introduċieni għall-mużika peress li kien iħobb idoqq il-vinyls. Ta’ kull xahar kien itellagħni l-Belt biex jixtrili cassette. L-ewwel wieħed li xtrajt u għadu għandi huwa l-Greatest Hits tal-grupp Police. Kont immur lura d-dar bil-ħerqa biex nisma’ l-cassette li nkun xtrajt. Inħobb ukoll naqra, fil-fatt, wara li l-papa’ kien joħodni nixtri l-cassette, konna mmorru nixtru ktieb jew magazine. Ommi wkoll kienet dejjem tħalli radju mixgħul id-dar. Wara l-iskola kont nitfa' l-headphones f'widnejja u noqgħod nisma' l-mużika.”

Kompleq jgħidu, “bdejt naħdem fir-radju mar-Radju tal-komunita’ taż-Żurrieq. Dik il-ħabta kien ixandar fiż-żmien tal-festa. Kif jgħaddi dak il-perjodu u nieqfu mix-xandir kont inħoss bħal vojt kbir u rrealizzajt kemm ir-radju kien qed jagħtini ħafna. Wara snin ma’ stazzjon ieħor, illum il-ġurnata, naħdem mal-istazzjon popolari Calypso Radio 101.8 bil-programm tiegħi kull nhar t’Erbgħa bejn id-9pm u s-1am. Indoqq mużika mis-snin sittin ‘il quddiem, fosthom inħobb indaħħal il-mużika tal-80s u Country. Infittex ukoll li nikkuntenta x’jixtiequ jisimgħu s-semmiegħa. Nippreferi programm live għax il-feedback tirċevih mill-ewwel.”

Temmew il-kitba tagħhom billi qalu, “togħġobni l-mużika tas-snin sittin, sebgħin u tmenin għax trabbejt nismagħhom. Inħobb ukoll il-mużika Country. Missieri kien jisma’ lil Kenny Rodgers, Dolly Parton, Johnny Cash u oħrajn. Dak iż-żmien ma kontx napprezzahom daqshekk, pero’ Marisa d'Amato, li hija Żurriqija bħali u li t-tnejn li aħna ħbieb tista' tgħid li tatni l-injection biex insegwi din il-mużika. Il-mużika Country evolviet. M'għadhiex l-istess bħal taż-żmien sittin u sebgħin u fil-programm tiegħi tar-radju nipprova ndaħħal ukoll ismijiet ġodda tal-mużika Country. Insegwi l-websites li juru aġġornamenti tal-mużika Country tal-lum. Nara li nwassal aħbarijiet interessanti u aġġornati.”


Charlton Cefai