James Aguer Alic jaħdem bla waqfien favur il-ħelsien tat-tfal mill-iskjavitù. Il-ħtif tat-tfal huwa traġedja komuni ħafna fis-Sudan t’Isfel, pajjiż fil-Kontinent tal-Afrika ta’ Fuq. Ta’ kuljum ħafna tfal jinħatfu mid-djar tagħhom minn forzi militari u jiġu sfurzati jaħdmu lejl u nhar f’kundizzjonijiet ta’ skjavitù. Dawn it-tfal jorqdu barra mal-annimali, jieklu l-fdal tal-ikel u jiġu msawta kontinwament.

James ilu aktar minn tletin sena jaħdem sabiex iħarrab eluf ta’ tfal minn taħt idejn il-forzi militari. Minkejja li James intbagħat il-ħabs iktar minn tletin darba, u minkejja li erbgħa mill-kollegi tiegħu ġew maqtula waqt il-ħidma tagħhom biex jippruvaw jeħilsu lit-tfal ilsiera, il-ġlieda ta’ James kontra din ir-realtà kerha mhux ser tieqaf hawn. James ser ikompli jaħdem u jissielet sabiex aktar tfal jiġu meħlusa mill-iskjavitù. Illum James u sħabu għandhom l-appoġġ tal-gvern tas-Sudan sabiex ikomplu jaħdmu favur il-ħelsien tat-tfal mill-iskjavitù.

Fl-2003, James Aguer Alic kien onorat mill-‘World’s Children’s Prize’ għall-ġlieda kuraġġuża tiegħu kontra l-iskjavitù tat-tfal fis-Sudan t'Isfel.

Missio Malta jaċċerta ruħu li tfal f’sitwazzjonijiet simili mxerrda mad-dinja kollha taslilhom l-għajnuna meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajjithom b’dinjità. Dan isir billi jintbagħtu flus lill-missjunarji sabiex jibnu l-iskejjel u jipprovdu tagħlim, ikel u mediċini lil dawn it-tfal. Jekk tixtieq tgħin jew għal aktar tagħrif ċempel lil Missio fuq 2123 6962. Tista’ wkoll tidħol fil-paġna ta’ Facebook Missio Malta jew iżżur is-sit www.missio.org.mt Grazzi mill-qalb.


Gwida.mt