Dan u aktar se jiġi żvelat minn Renato waqt l-ewwel episodju ta' Kellymni - Il-Podcast ta' Gwida. L-ewwel mistieden tagħna se jkun l-artist lokali Renato. Il-kantant li żgur li m'għandu bżonn ta' ebda introduzzjoni magħkom il-qarrejja ta' Gwida.mt.

Hu kien irrappreżenta lil Malta fil-Eurovision tal-1975 u bena karriera mill-isbaħ iżda lil hinn minn dan Melanie Kelly ħa tkun qed titkellem ma' Renato dwar it-tmiem tal-karriera mużikali tiegħu, dwar l-isfidi ta' saħħa li ltaqa' magħhom f'dawn l-aħħar snin u kif qed jaffetwalu ħajtu fil-preżent, dwar l-esperjenzi li għadda minnhom u kif bidlulu ħajtu.

Hu jkellimna dwar il-fatt li l-indipendenza tiegħu naqqset dan l-aħħar u jaqsam magħna episodju li għadda minnu meta kien jinsab ġewwa Londra ma' Mary Rose Mallia. Renato jitkellem magħna wkoll dwar il-ħbieb li huma dejjem viċin tiegħu, dwar persuni li tul ħajtu provaw jersqu viċin tiegħu biex jużawh filwaqt li jesprimi l-imħabba kbira li għandu lejn it-tfal u l-annimali. Melanie ma żżomx lura milli tistaqsih dwar l-esperjenzi tal-ħajja li għadda minnhom, l-isfidi li ltaqa' magħhom u l-emozzjonijiet li esperjenza.

Tul il-podcast ħa taraw il-personalità ta' Renato tispikka minkejja li forsi saħħtu marret kemxejn lura iżda l-ispirtu ċajtier u allegruż tiegħu jibqa' fih! Ingħaqdu magħna biex isegwu Kellymni bi preżentazzjoni ta' Melanie Kelly minn għada, it-Tnejn 5 ta' Ġunju, mis-19:00.


Gwida.mt