Gwida.mt kellu ċ-ċans li jitkellem ma' omm León Azzopardi, it-tifel ta' 8 snin li kiseb l-ewwel post fost 24,600 parteċipant. SuperTmatik hija kompetizzjoni tal-Matematika mentali li ssir kull sena. Hija kompetizzjoni dinjija u fiha jipparteċipaw ħafna studenti minn madwar id-dinja.

Hemm kategoriji differenti u iktar ma tkun għolja l-kategorija aktar tkun diffiċli l-isfida għax jiġu introdotti aktar kunċetti. Din il-kompetizzjoni saret online fix-xahar ta’ Mejju u r-riżultati ġew ippubblikati din il-ġimgħa. Hija tip ta’ kompetizzjoni li permezz ta’ logħob kostruttiv tgħin lill-istudenti jirfinaw il-ħiliet tagħhom fil-matematika mentali.

L-istudenti jridu jwieġbu 15-il mistoqsija tal-matematika mentali fl-iqsar żmien possibbli. León Azzopardi, tifel ta’ 8 snin li jinsab fit-tielet sena fil-Iskola Primarja tal-Għarb, Għawdex. Hu pparteċipa fit-tieni kategorija kontra 24,600 parteċipant u rnexxielu jikseb l-ewwel post b’rekord dinji ta’ 32.91 sekonda.

Dik li kienet inizjalment introdotta bħala logħba divertenti fl-iskola waslet biex León jipprattika kważi kuljum u permezz ta' gwida eċċezzjonali tal-għalliema tal-klassi tiegħu, irnexxielu jtejjeb il-ħiliet tiegħu u jtejjeb kontinwament il-ħinijiet tiegħu.

Omm León tgħidilna, "Kien ferħan ħafna li kiseb din il-pożizzjoni u tant qiegħed jistenna bil-ħerqa li jirċievi l-premjijiet tiegħu! L-istudenti Maltin donnhom jisbqu f’din il-kompetizzjoni u fil-fatt Malta kisbet l-ewwel post għal sena oħra."

Aqra aktar fuq HAWN biex tiskopri aktar tfal li għamlu suċċess f'din il-kompetizzjoni!


Emil Calleja Bayliss