Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija nieda l-programm Engage: Science and Enterprise; l-ewwel edizzjoni tal-R&I days li jgħaqqad ix-xjenza u l-intrapriża. Dan l-avveniment imqassam fuq jumejn bejn it-23 u l-24 ta’ Novembru laqqa’ flimkien diversi riċerkaturi li kellhom iċ-ċans juru l-proġetti tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni f’setturi varji.

Quddiem il-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, total ta’ 15-il proġett li jvarjaw minn setturi bħas-Saħħa, inkluża r-riċerka fuq il-Kanċer, Riżorsi Effiċjenti, Manifattura Sostenibbli, Avjazzjoni, u Użu Sostenibbli ta’ Riżorsi Marittimi, ġew esebiti. Dawn il-proġetti rnexxielhom jibbenefikaw minn fondi lokali li jammontaw għal €2.7M, mill-programm nazzjonali FUSION, kif ukoll minn programmi ta’ kollaborazzjoni internazzjonali fosthom SINO-MALTA, MCST-TUBITAK, u l-BLUEBIO ERA-NET.

Il-programm inkluda spjegazzjoni dettaljata tal-proċess ta’ riċerka, esebizzjoni ta’ prototipi, u panel ta’ kelliema kompost mill-koordinaturi tal-proġetti, rappreżentanti oħra tal-proġetti, u anki membri li ġejjin mis-settur privat, mill-akkademja, u mis-settur pubbliku. Dawn indirizzaw diversi fatturi msemmija fl-iSmart Specialisation Strategy 2021-2027 f’Malta li juru l-prijoritajiet tal-gvern għal investiment fl-innovazzjoni, filwaqt li jidentifika żoni oħra ta’ potenzjal għal tkabbir ekonomiku.

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti fetaħ l-avveniment billi rringrazzja lill-istakeholders kollha li bbenefikaw minn dawn il-fondi nazzjonali taħt is-superviżjoni tal-MCST. “Intom, bħala stakeholders, kollha tiffurmaw parti mill-proċess ta’ espansjoni fl-industrija tar-R&I f’Malta. Il-gvern, kif rajtu fil-budget ta’ ftit ġimgħat ilu, qiegħed kostantement ikabbar l-investiment fir-R&I, fl-aħħar mill-aħħar fikom, għaliex nemmnu li intom tistgħu tkunu l-bidla li għandna bżonn għal tkabbir ekonomiku u kwalità ta’ ħajja aħjar,” qal Azzopardi Tanti.

Huwa kkonkluda billi qal li l-pass li jmiss huwa li nkomplu bil-ħidma li ninternazzjonalizzaw il-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi oħra sabiex inkomplu nkabbru din l-industrija, b’hekk ikollna aktar faċilità li nużaw aktar riżorsi ma’ pajjiżi oħra skont l-istrateġija fir-R&I li se tiġi varata fil-bidu tas-sena li ġejja.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tonio Portughese qal li “l-MCST amministra madwar €29M f’fondi mqassma għal diversi proġetti li, minbarra li huma fundamentali għall-attivitajiet eknomiċi, għandhom effett pożittiv li jinfluwenza direttament u jtejjeb il-kwalità ta’ ħajja taċ-ċittadini tagħna.”

Huwa faħħar ix-xogħol brillanti u b’dedikazzjoni tal-persuni li żviluppaw dawn il-15-il proġett ta’ riċerka u innovazzjoni, b’kontribuzzjoni għal avvanz edukattiv u teknoloġiku.

Għal aktar informazzjoni u reġistrazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq: https://www.engagemalta.com

 


Gwida.mt