''One Radio issa għalija parti mill-passat'', hekk iddikjara l-preżentatur u kummentatur politiku Emanuel Cuschieri waqt il-Facebook Live tiegħu ta' llum 23 ta' Settembru 2022.

Fil-bidu tal-programm Cuschieri stqarr li issa jinsab ''moralment konvint'' li hemm individwi li ''jaħsbu li jistgħu jinħbew f'xi uffiċċju fil-Belt Valletta'' li ħadu d-deċiżjoni li jwaqqfuh mill-programm politiku tiegħu fuq l-istazzjon One, wara 30 sena xandir.

Huwa żied jgħid li fil-jiem li ġejjin, tul din il-ġimgħa li ġejja, se jkun qed iħabbar l-ismijiet ta' dawk li ''mingħalihom jistgħu jinħbew'' kif ukoll ta' dawk li nfurmawh li l-programm tiegħu ma jistax ikompli jixxandar fuq l-istazzjon One Radio.

Cuschieri kompla jgħid li se jimxi għal fuq stazzjon tar-radju ieħor fejn se jkompli jxandar ''bl-istess lingwaġġ u nwassal il-messaġġ li jien konvint minnu''. 

Huwa żied jgħid li mhux ix-xewqa tiegħu li jkollu jbiddel l-istazzjon għax One Radio jibqa' l-istazzjon tal-preferenza tiegħu.  Huwa għamilha ċara li d-deċiżjoni ma ħadhiex hu iżda ''ħadha ħaddieħor'' għalih.

''Moħħi, lsieni u ħsibijieti huma tiegħi u m'humiex għall-bejgħ'', stqarr Cuschieri tul ix-xandira live fuq Facebook.  ''Ħadd ma jgħidli lil min għandi nsemmi jew lil min m'għandix insemmi, xi ngħid jew ma ngħidx.  Qatt ma kont u mhux se nkun pupazz ta' ħadd'', b'referenza ċara għal-liberta' tal-espressjoni tiegħu.

''Forsi għad niġi lura 'l quddiem'', temm jgħid kemxejn emozzjonat Emanuel Cuschieri. ''Fejn hemm il-ħajja kollox hu possibbli''.

Wieħed jista' jsegwi dak li ntqal illum permezz ta' din il-link ta' Facebook Live:  (Ħin 06:55 sa 19:54;  u 01:55:20 sat-tmiem)


Gwida.mt