Kemm nieħdu gost meta nismgħu li xi ħadd qrib tagħna qed jirnexxi fil‑ħajja! Tista’ tkun aħbar li xi ħadd sejjer tajjeb fl‑iskola jew saħansitra ggradwa u se jilħaq il‑professjoni li dejjem xtaq! Riċentament qalbi mtliet bil‑ferħ, meta smajt bl‑istorja ta’ Frida. Hija sejra tajjeb ħafna fl‑iskola u l‑għalliema tagħha qed isegwuha mill‑qrib għax tipprometti ħafna!

Din hija aktarx storja komuni fostna, għax bil-grazzja t’Alla, f’Malta lil uliedna nagħtuhom kull opportunità possibbli sabiex jirnexxu. B’xorti ħażina, Frida ma tgħix Malta, imma tgħix f’orfanatrofju f’Canaan it‑Tanżanija. Meta kellha biss 10 snin, il‑ġenituri tagħha mietu bl‑AIDS. Minnufih it-tifla spiċċat bla saqaf fuq rasha u mingħajr għaxja ta’ lejla.

Meta ħaduha fl‑orfanatrofju, Frida kienet batuta ħafna. Mit‑testijiet li sarulha ndunaw li kienet pożittiva għall-HIV u sfortunatament innutaw ukoll li widnejha kienu spiss inixxu l‑materja. Ġrew biha lejn l‑isptar fejn irriżulta li Frida kellha infezzjoni kbira li kienet ta’ theddida għall-iżvilupp tagħha u ta’ dannu permanenti fuq moħħha. L‑infezzjoni tant kienet laħqet infirxet li t‑tnabar ta’ windejha laħqu ttaqbu!

Għall‑grazzja t’Alla, Frida ngħatat il‑kura kollha meħtieġa f’waqtha u llum il-ġurnata qiegħda tisma’ tajjeb. Fl‑istess waqt, il‑vajrus tal-HIV jinsab taħt kontroll u b’hekk tista’ tgħix ħajja normali. Meta fieqet, Frida rritornat fil‑klassi tal-iskola u tgħidx kemm ferħet li setgħet terġa’ tisma’ l-vuċijiet ta’ sħabha. Frida hija waħda mill‑aktar studenti promettenti fil‑klassi tagħha. Din hija storja sabiħa, fost ħafna, li turi kif bi ftit attenzjoni u b’ħafna mħabba, flimkien kapaċi nagħmlu l‑għeġubijiet!

F’isem Missio Malta, għal darb’oħra qed indur fuqek sabiex tgħinna nkomplu nassistu lil tfal bħal Frida u ’l‑familji tagħhom ħalli jinqalgħu mill‑jasar tal‑faqar, u jibdew ħajja ġdida b’dinjità u sodisfazzjon. Bl‑għajnuna tiegħek, Frida llum qed tistudja sabiex hija wkoll tilħaq l‑ambizzjonijiet ta’ ħajjitha u tirnexxi!

Din hija t-tmien sena li Missio Malta organizza l-Maratona #hopemissiofest, li din is-sena saret nhar is-Sibt 11 ta’ Marzu. Matul is-snin, bil-fondi miġbura mill-maratona, mill-Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is-sena, Missio rnexxielu jisponsorja diversi proġetti.

Dawn il-proġetti huma mferrxin fil-kontinenti kollha u jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniċi u spieri. Permezz ta’ dawn il-proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi. Din is-sena Missio se jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq proġetti relatati mas-saħħa u l-edukazzjoni fit-Tanżanija. Grazzi mill-qalb.    

 


Gwida.mt