Żmien l-eżamijiet ġie u mar! Issa kulħadd jibda jistenna l-imberking riżultati! Min xi ftit anzjuż, min konvint li għadda minn kollox u min konvint li m'għaddhiex. Iżda fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultati jħollu u jorbtu!
Tajjeb li tkunu tafu bil-lezzjonijiet b'xejn li wieħed jista' japplika għalihom. Lezzjonijiet ta' riviżjoni biex dawk li ma jgħaddux minn xi suġġett, ikollhom iċ-ċans li jattendu numru ta' lezzjonijiet biex meta jiġu biex jerġgħu jagħmlu l-eżami, ikunu preparati aħjar.
Tul is-sajf ħa jkollhom iċ-ċans jaħdmu fuq is-suġġetti li ma għaddewx minnhom u jagħrfu l-partijiet li għandhom bżonn jaħdmu fuqhom biex id-darba li ġejja, iġibu l-marka li jixtiequ f'dawn l-eżamijiet.
Hawn taħt ħa ssibu numru ta' mistoqsijiet li jagħtukom aktar informazzjoni dwar dawn il-lezzjonijiet li kapaċi jsawru l-futur tagħkom jew ta' uliedkom bi ftit sforz!

X’inhuma dawn il-klassijiet?
Dawn il-klassijiet huma organizzati għal żgħażagħ bejn l-etajiet ta’ 15 u 24 sena li se jagħmlu l-eżamijiet ta’ resit tas-SEC f’Settembru 2023 (Livell Ordinarju) fis-suġġetti li ġejjin: il-Bijoloġija, il-Fiżika, il-Matematika, il-Malti u l-Ingliż.
X’se jkun offrut?
Din is-sena l-istudenti se jingħataw: Lezzjonijiet b’xejn minn għalliema bil-warrant. Aċċess għal vidjows u testijiet tat-tagħlim. Past papers b’xejn.
Min Jista’ Japplika?
Żgħażagħ bejn l-etajiet ta’ 15 u 24 sena li se jagħmlu l-eżamijiet ta’ resit tas-SEC f’Settembru 2023 (Livell Ordinarju) fis-suġġetti li ġejjin: il-Bijoloġija, il-Fiżika, il-Matematika, il-Malti u l-Ingliż. L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu fuq bażi ta’ first come first served.
Kemm irrid inħallas? Hemm xi miżata?
Le – dan kollu se jiġi offrut lill-istudenti mingħajr ħlas.

Tajjeb! Kemm nista’ nagħżel suġġetti?
Tista’ tagħżel sa tliet suġġetti nkluż suġġett wieħed tax-xjenza.
Kif se nkun naf meta nista’ napplika?
Ladarba jiġu ppubblikati r-riżultati mill-MATSEC f’Lulju tirċievi SMS mingħandil-MATSEC li tinfurmak li l-applikazzjonijietonline huma disponibbli, u b’hekk tkun tista’ tapplika għall-Klassijiet ta’ Reviżjoni tas-SEC. Il-link li twasslek għall-applikazzjoni tiġi ppubblikata fuq is-sit tagħhom HAWN u fuq il-paġna tagħna fuq Facebook u Instagram (Youth Guarantee Malta). Segwina fuq Instagram jew Facebook biex iżżomm ruħek aġġornat.

Meta se jibdew u jintemmu l-klassijiet ta’ reviżjoni?
Il-klassijiet se jingħataw fuq medda ta’ ħames ġimgħat u jibdew nhar it-Tnejn 24 ta’ Lulju 2023.
Fejn se jsiru l-lezzjonijiet?
Tista' tagħżel li tattendi f’wieħed mill-erba' ċentri madwar Malta u Għawdex. Tlieta minn dawn iċ-ċentri huma f'Malta, maqsuma lejn in-naħa ta' fuq, fiċ-ċentru u fin-naħa t'isfel, filwaqt li ċentru wieħed jinsab ġewwa Għawdex.
Dan il-proġett huwa parzjalment ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.