Kellymni: Episodju 43 - Toni Busuttil

Toni Busuttil, wiċċ familjari mas-segwaċi lokali, iżda fil-verità llum il-ġurnata nafuh bħala l-vuċi wara diversi puppazzi. Nafuh bħala komiku u dejjem inissel tbissima fuq wiċċ dak li jkun, iżda lil hinn minn din id-dinja Toni għadda minn diversi esperjenzi li kellu sfida mas-saħħa mentali. Sfida li tfaċċat f'diversi stadji tal-ħajja tiegħu.

57 minuta

Melanie Kelly, fl-episodju li jmiss se tkun qed tlaqqa' s-semmiegħa u s-segwaċi ma' karattru tassew umli, karattru li għandu wiċċ familjari, u nafuh f'diversi programmi lokali. F'uħud nafu lilu u f'oħrajn il-vuċi tiegħu tagħti l-ħajja lil numru ta' puppazzi. Fost l-aktar puppazzi li sellef leħnu għalihom insibu Minnie u Griż minn MiniBugz.

Toni se joħodna lura sa meta kien għadu tfal u l-ewwel memorja tiegħu ta' meta weġġa' lilu nnifsu għall-ewwel darba u kien sab skuża għal dak li ġralu. Dan ma kienx l-uniku episodju, hu se jkun qed jitkellem dwar id-dipressjoni u l-esperjenzi tiegħu tul is-snin, inkluż id-drabi li wasal biex itemm ħajtu.

Toni llum il-ġurnata, grazzi għall-għajnuna li fittex jinsab aħjar iżda kien hemm żmien meta verament ħassu li jinsabu fil-qiegħ u li m'hemmx tama għalih. Iżda għall-grazzja t'Alla sab l-għajnuna, kull meta kellu bżonnha u minkejja l-isfidi li jiltaqa' magħhom minn żmien għal żmien, illum kapaċi jagħraf jissielet kontra ċertu emozzjonijiet.

Waqt il-podcast, Toni jitkellem dwar l-imħabba kbira li għandu lejn l-għażiża ommu u kemm ħa bi kbira it-telfa tagħha. Waqt Kellymni - Il-Podcast ta' Gwida se tkunu qed tiskopri aktar dwar ħajtu u l-isfidi li għadda minnhom. Kellymni - Il-Podcast ta' Gwida għandu preżentazzjoni ta' Melanie Kelly.