Illum il-Mons. Ġużeppi Mercieca jagħlaq 7 snin minn mindu ġalla din id-dinja. Madanakollu, il-memorja tiegħu għadha tgħix f’dawk l-eqreb tiegħu u li għamel impatt f’ħajjithom. 

Il-kittieb Carmel Charles Buttigieg fakkar il-memorja tiegħu f’dan l-anniversarju. “Fih kont nara għadd ta’ konvinzjonijiet partikolari, sostnuti bix-xiehda ta’ ħajtu. Mons Mercieca kien juri, bil-kelma u bl-eżempju, li għalih Alla verament huwa mħabba; li l-milja tal-ħajja tan-nisrani, iżjed u iżjed tas-saċerdot, huwa u jista’ jkun biss Kristu; li f’kull bniedem hemm it-tajjeb; li Alla jħobbna lkoll kemm aħna, ikunu x’ikunu dnubietna; li akkost ta’ kull sagrifiċċju personali, għandhom jiġu l-ewwel il-ġid komuni u l-għaqda. Kien jemmen bis-sħiħ ukoll li kollox irid isir f’rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, b’għożża speċjali għall-marid, l-imġarrab u l-batut; li m’hemmx paċi vera mingħajr ġustizzja; li l-maħfra sinċiera u ġenwina għandha tassew il-qawwa li tfejjaq; li l-umiltà, it-tjubija, il-ġentilezza u l-ġenerożità jżejnu l-bniedem; li hu f’waqtu u siewi ħafna li tkun profondament dedikat għat-talb u mħeġġeġ biex tikkomunika l-veritajiet tal-Evanġelu” kiteb.


Nicole Zammit