Il-prodott Malti hawn għatx kbir għalih u l-GO żgur li ħadu l-opportunità sabiex jagħtu t-telespettaturi dan u aktar. Is-sistema ta’ Netflix illum il-ġurnata żgur kulħadd sema’ biha xi darba jew oħra u l-GO qed joffru servizz simili fejn wieħed jista’ jsib diversi sensiliet Maltin, films tal-preżent u oħrajn minn snin preċidenti li wieħed jista’ jara fil-kumdità ta’ daru xħin u meta jrid. 

Mhux hekk biss talli bdew saħansitra jipproduċu materjal esklussiv għalihom. L-ewwel sensiela li waslet fi tmiemha proprju din il-ġimgħa kienet is-sensiela ta’ tmien episodji Chalet. Aħna ta’ Gwida.mt, kellna ċ-ċans li nsegwu din id-drama, nidħlu fl-istorja, nissimpatizzaw mal-karattri u nħossu l-istess emozzjonijiet li qed iħossu huma. Karratri li jieħdu l-ħajja fit-tmien episodji li ħallewna mkaħħlin mal-iskrin tagħna. 

Dan mhux kollox, is-sensiela Chalet tatna togħma wkoll ta’ kif kien ic-Chalet f’Tas-Sliema. Żgur li ħafna semgħu dwar tul is-snin iżda ftit kellhom iċ-ċans li jarawh, permezz ta’ din is-sensiela l-impossibbli sar possibbli. F’kull episodju sirna nafu aktar lill-karattri, sirna nafu dak li għaddejjin minnu, sirna nafu s-sigrieti personali tagħhom u dak li qed jaħbu mis-soċjetà. It-triq għal uħud minnhom mhi faċli xejn. 

Anzi pjuttost triq mimlija sfida fejn jispiċċaw għal ħniena ta’ min għandu l-poter. Nistgħu naraw kif il-mentalità ta’ dak iż-żmien, l-aħħar tas-snin Tletin kienet kompletament differenti minn dik tal-lum. Il-ħajja kienet waħda differenti iżda xorta waħda wieħed jara kuntrasti u affarijiet simili. L-istorja hi minsuġa b’mod brillanti fejn il-preżent jorbot mal-passat u l-istorja tiżvolġi bl-iktar mod interessanti.

Minn sett ta’ filmati li ttieħdu qabel wieħed mill-karattri jmut nispiċċaw nidħlu fi storja interessanti ferm. Storja li tkun trid taf aktar, storja li tkun tixtieq issir taf kif ħa tiżvolġi, storja li tkun trid taf x’ħa jsir minn dawn il-karattri. Storja unika. Ikollna nistqarru li ma stennejniex li l-istorja ħa toħodna fejn ħaditna iżda żgur li hi waħda tassew intriganti. 

Xogħol brillanti ta’ Sharp Shoot Media Ltd. Li kienu l-imħuħ wara L-Għarusa u Strada Stretta. Żewġ sensiliet li kellhom suċċess kbir fis-suq lokali. Żewġ sensiliet li wieħed jista’ wkoll jaraw fuq dan is-servizz ta’ GO.  Għal dawk kollha li għadhom qed jaħsbuha, nistidnuhom biex ma jdumux għax ċertament b’dak li qed jiġi offrut il-klijent ħa jgawdi verament. Ikollna nammettu li ninsabu ħerqana għal aktar materjal mingħand GO.

Tajjeb li nsemmu li dawk kollha li jabbonaw għal dan is-servizz ta' GO TV, ikollhom aċċess għal ħafna u ħafna kontenut Malti, li ssibuh taħt is-sezzjoni popolari Tokis. Dan il-kontenut hu aċċessibbli għal kull konsumatur li għandu l-Go Interactive TV.

Il-mistoqsija li għandna tberren f'moħħna hi waħda, tgħid għandna nistennew xi ħaġa oħra speċjali fil-ġimgħat li ġejjin? 


Emil Calleja Bayliss