Għadu kemm ġie inawgurat padiljun tal-handball, iddedikat għal Louis Borg, eks President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball. Dan il-padiljun huwa parti mill-faċilitajiet sportivi fil-Kumpless Sportiv Maria Assunta fil-Ħamrun.

Il-padiljun tal-handball huwa parti minn investiment akbar li sar fis-snin riċenti f'dan il-kumpless, li jinkludi wkoll l-ewwel akkademja tas-snooker f'Malta, proġett sportiv għall-Kumpless ta' Maria Assunta li sa issa diġà għandu ground tal-football u huwa ppjanat li jkun hemm ukoll padiljun għal sport varji, sala għat-table football, u sala oħra għall-boċċi.

Bil-proġett tal-padiljun tal-handball għall-ewwel darba f'Malta sar bini ta' sala speċifikament biex tintlagħab din id-dixxiplina sportiva. Is-sala takkomoda 155 spettatur u se tkun użata primarjment għat-taħriġ tal-handball, minn adulti sa tfal taħt it-tmien snin, kif ukoll mill-programmi ta' SportMalta u mill-iskejjel.

Is-sala saret fuq speċifikazzjonijiet tal-International Handball Federation, hija mgħammra b'dawl li joffri uniformità u jnaqqas id-dellijiet biex titjieb is-sigurtà waqt l-użu, kif ukoll blinds elettriċi li jagħmluha faċli li jintuża d-dawl naturali. L-istruttura tal-ħadid hija miksija b'materjal li jipprovdi l-aħjar insulazzjoni, twieqi li jinfetħu b'mekkaniżmu elettroniku u extractors biex jgħinu fil-kontroll tal-arja u t-temperatura.

DOI


Bradley Cachia