Kemm hu importanti li l-anzjani tagħna jiġu murija r-rispett li jistħoqqilhom u jgawdu frott il-ħidma li wettqu f’ħajjithom.  “Illum ġewwa r-residenza ta' San Vincenz, saret ‘Pets Day’, fejn l-anzjani laqgħu annimali domestiċi bħal klieb u fniek, u ngħataw l-opportunità jqattgħu ftit tal-ħin magħhom (taħt superviżjoni)... Kemm hu sabiħ kieku nistgħu nintegraw aktar l-annimali u n-natura fil-ħajja ta' kuljum ta' dawn l-anzjani f'dawn ir-residenzi.” 

Kittieb fuq Facebook, Steve Compagno, dwar dan stqarr li, “Li tkun anzjan mhuwiex facli. Mhux minħabba n-nuqqas ta' mobbiltà jew li tkun aktar fraġli; iżda timmaġinak għadek bl-istess moħħ ta' zagħżugħ ġo ġisem anzjan, fejn tiddependi fuq ħaddieħor? Fejn qed tgħix u taqsam kamra ma' erba karattri stranġieri? Fejn il-privatezza taf ma teżistix aktar u l-ħsibijiet ma jonqsux dwar il-passat li kellek?... U biex tgħaxxaq, f'dinja ferm aktar individwali li theġġeġ aktar kilba għall-poter milli għall-volontarjat.”

Hu jagħlaq il-kitb tiegħu dwar kemm għandna nżommu l-anzjani fuq il-pedestalli tagħna.  Aħna lkoll ser insiru anzjani xi darba u għalhekk tajjeb li nnisslu fis-soċjetà sens ta’ rispett u mħabba lejn kulħadd, speċjalment lejn l-anzjani tagħna.   


Marija Bellia