It-tabiba Maltija Dr. Georgiana Farrugia Bonnici qasmet magħna informazzjoni dettaljata dwar il-kolesterol, dak li jikkaġunah, ikel li l-iktar iżid iċ-ċans ta' kolesterol u ħafna aktar. 

Il-kolesterol huwa tip ta’ xaħam li jiġi magħmul mil-gisem fuq bażi kontinwa, minhabba li jifforma parti essenzjali mill-membrani taċ-ċelloli, u kif ukoll jintuża għall-formazzjoni ta’ ċertu ormoni, u tipi ta’ aċti, bħal dawk li jinsabu fil-fwied u fil-marrara.

Min-naħa tad-dieta, s-sors ewlieni tal-kolesterol jiġi primarjament minn xaħmijiet saturati derivati mill-annimali, bħall-ħalib, ġobnijiet, u laħam aħmar. Ikel ieħor ipproċessat, bħall-pizza, butir jew pastizzi, wkoll huwa għoli fil-livelli ta’ xaħam saturat.

Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed joqgħod attent kemm jikkonsma xaħam saturat fl-ikel tiegħu ta’ kuljum, minħabba li l-ġisem diġá jkun qed jipproduċi l-kolesterol kuljum, allura x-xaħam saturat kollu li nikkunsmaw minn diversi sorsi ta’ ikel, huwa pjuttost żejjed.

Il-kolesterol għoli fid-demm huwa riskju maġġur għall-mard kardjovaskulari minħabba li jgħin biex jidjieq id-dijametru ta’ diversi arterji prinċipali, u biż-żmien, dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ċirkulazzjoni tad-demm għall-organi vitali, bħall-moħħ jew il-qalb, u jikkaġuna mard serju, bħal puplesiji, attakki tal-qalb, jew djuq fl-arterji tas-saqajn.

Huwa siewi li wieħed jiċċekkja l-livell ta’ xaħam fid-demm. B’sempliċiment test tad-demm, it-tabib jista’ jkun jaf jekk wieħed ikunx qed ibati minn kolesterol għoli, li normalment ma jkun qed jikkaġuna l-ebda sintomi.

Meta wieħed jinterpreta r-riżultat tad-demm, ikun irid iħares lejn il-livell totali ta’ kolesterol fid-demm, li normalment irid ikun bejn 2 u 5 mmol/l.

Però, huwa importanti wkoll li wieħed iżomm il-livelli ta’ kolesterol hekk imsejjaħ ħazin, li jiġi primarjament minn Low Density Lipoprotein, u t-Triglycerides, baxxi kemm jista' jkun. Diversi studji juru li dawn iż-żewġ tipi ta’ xaħam fid-demm, jagħmlu iktar ħsara lill-ġisem, meta jiġu kkumparati mal-kolesterol it-tajjeb, jew aħjar il-High Density Lipoprotein.

Sabiex wieħed iżomm il-livell ta’ xaħam fid-demm baxx, għandu jfittex li jitlef il-piż żejjed, u jirregola d-dieta tiegħu billi jiekol ikel frisk mhux pproċessat, iktar porzjonijiet ta' frott u ħaxix, li huma baxxi fix-xaħmijiet u z-zokkor.

Wieħed għandu wkoll jevita li jaddotta stil ta’ ħajja sedentarja u jżid l-attività fiżika. Jekk wieħed minn tal-inqas jagħmel 150 minuta ta’ eżerċizzju fiżiku fil-ġimgħa għandu jkun biżżejjed.

Jekk dawn l-attentati jfallu, u l-livell ta’ kolesterol fid-demm xorta jibqa’ għoli, it-tieni pass huwa li wieħed iżur lit-tabib tiegħu, sabiex tkun tista’ tingħata mediċina, li tgħin biex wieħed inaqqas il-livelli ta’ xaħam għoli fid-demm.

Din l-informazzjoni ġiet imwassla minn ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici

Facebook/ ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici


Gwida.mt