Sa Jannar li għadda, il-prezzijiet tal-ikel kienu qed jiċċaqilqu kontinwament u dan kien qed ipoġġi pressjoni eċċessiva fuq il-familji u tikkawża ħafna instabilità. F’Ottubru l-prezzijiet bdew neżlin fl-Unjoni Ewropea, però f’Malta minħabba l-insularità tagħna baqgħu telgħin ’il fuq.

F’Jannar l-inflazzjoni kienet madwar 10%, b’hekk il-familji kienu qed iħallsu 10% aktar għall-prodotti tal-ikel tagħhom meta mqabbla max-xhur ta ’qabel. Dan kien eċċessiv meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 4.8%.

Il-Gvern iddeċieda li jintervjeni u jiffirma ftehim mal-importaturi u l-bejjiegħa biex jitnaqqas il-prezz rakkomandat b’madwar 450 prodott, fi 15-il kategorija ta’ ikel li jvarjaw minn kafè, għal ċereali u ħalib flimkien ma’ għażla ta' prodotti oħra ta’ ditti differenti. Dan naqqas b’mod sostanzjali r-rata tal-inflazzjoni b’aktar min-nofs, dan għaliex bħalissa din tinsab ftit inqas minn 5%.

Wieħed mill-prodotti li fih kien hemm fluttwazzjonijiet konsiderevoli huwa l-kafè. F’Malta sa Jannar, il-kafè kien aktar minn sitt darbiet aktar mir-rata medja tal-inflazzjoni tal-Unjoni Ewropea, f’Malta din kienet 16% qabel bdiet l-iskema, u naqset għal 2.8% f’Marzu.

Bl-istess mod, kien hemm prodotti oħra li ġew affettwati, b’forsi l-aktar wieħed wieħed li l-konsumatur seta’ jinnota kien il-marġerina. Dan il-prodott jintuża b’mod komuni mal-prodotti moħmija, u minn 9% ir-rata tal-inflazzjoni niżlet għal inqas mis-sena l-oħra; -6%.

Dawn huma riżultati tanġibbli li din l-iskema tat, ippruvati bin-numri. Din id-differenza jista’ jħossha wkoll il-poplu li m’għadux kontinwament anzjuż u inkwetat li għada pitgħada l-prezz għan-neċessitajiet tiegħu se jogħla b’tali mod li ma jkunx jista’ jaffordjah.

Minflok, issa l-familji għandhom is-serħan tal-moħħ u l-istabbilità meta jafu li dejjem se jkollhom ikel fuq l-imwejjed tagħhom minħabba li dan se jibqa' jinbiegħ bl-istess prezz, b’uħud saħansitra orħos minn dak li kienu jixtru.

Il-Kampanja Stabbilità hija kampanja nazzjonali mill-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrappriza u Proġetti Strateġici.


Gwida.mt