Shasha Fabri, wiċċ familjari mad-dinja tal-irtokk, minn jaf kemm għaddew personalitajiet minn taħt idejha. Iżda lil hinn minn xogħolha Shasha tiżvela li hi persuna li tbati b'insigurtà kbira dwarha nnifisha. Tant hu hekk li tgħid li tiddejjaq tmur tgħum minħabba l-fatt li trid tinża bil-malja quddiem in-nies.

Fatt interessanti għax ħafna lil Shasha jafuha għall-karattru vibranti u storbjuż tagħha iżda wara din il-persuna, xorta waħda hemm ċerti insigurtajiet. Insigurtajiet li wieħed ma jistenniex li jiltaqa' magħhom iżda dan jurina li kulħadd bniedem u jkun qed iġorr l-istorja tiegħu. Storja li aħna ma nafux għax nafu biss biċċa żgħira.

Tul din l-intervista, se ssir tafu lil Shasha aktar mill-viċin. Mhux biss dwar l-insigurtajiet tagħha, iżda wkoll se tiskopru dwar l-esperjenzi li għaddiet minnhom. Esperjenzi kemxejn b'togħma morra iżda grazzi għalihom għarfet li tgħix jum b'jum, tagħmel l-aħjar li tista' ta' kuljum u tgawdi kull mument. Faċli biex tgħidha iżda trid sforz kbir biex twettaq dan kollu. 

Tul il-podcast ħa ssiru tafu aħjar lil Shasha Fabri, ħa ssiru tafu dwar ħajjitha u dak kollu li għaddiet minnu tul is-snin, ħa ssiru tafu dwar l-imħabba tagħha lejn id-dehra u d-dinja tal-irtokk, ix-xogħol tagħha u dak kollu li jagħmel lil Shasha, Shasha. Ingħaqdu magħna biex isegwu l-episodju li jmiss ta' Kellymni bi preżentazzjoni ta' Melanie Kelly, għada it-Tnejn 26 ta' Frar, mit-20:00 'l quddiem.


Emil Calleja Bayliss