Il-passjoni lejn il-fjuri u d-dekorazzjonijiet kien f'qalb Stephen minn meta kien għadu tifel. Bil-mod ħadem biex iwettaq il-ħolma tiegħu. Stephen kellu ċ-ċans li jitkellem mal-paġna lokali u popolari The People of Malta fejn fisser minn fejn ġiet din il-passjoni u minn meta bdiet din in-namra.

Hu jibda billi jgħid, "Id-dekorazzjoni nħobbha, sa minn meta kont żgħir kont inħobb narma u nsebbaħ bit-tiżjin. Bdejt fis-settur tal-fjuri 11-il sena ilu. Ħadd ma għallimni, waħdi tgħallimt; nara, nosserva, nitgħallem u dejjem naġġorna ruħi. Il-prattika tagħmlek perfett. Seba’ snin ilu il-kuġin kien qalli biex nagħmillu t-tieġ u dakinhar kienet il-magħmudija tan-negozju li llum jiena għandi. Għal dawn l-aħħar sentejn ħdimt fuq ix-xewqa li jkolli l-ħanut tiegħi; ridt post fejn inħoss iċ-ċentru tar-raħal, fejn inkun nista' nara l-attività għaddejja, fejn in-nies tieqaf tittawwal fil-vetrina, fejn jiena nkun nista' nara l-ħajja t'hemm barra."

Stephen ikompli, "Din il-parti ta' Ħal Tarxien togħġobni. Ftaħt dan il-ħanut Meme's fleuriste ftit ġimgħat ilu. Il-mama' Ursula ħallietni xahrejn ilu, mingħajr mistenni. Kienet ħerqana li tarani niftaħ dan il-ħanut. Iżda l-pjanijiet tal-Mulej kienu mod ieħor."

Il-ħanut tiegħu għandu tifsira speċjali. Hu jispjega, "Dan il-post kien tan-nanna tiegħi, Memè, li jiena kont inqatta’ ħafna ħin magħha. Hi kienet tħobbhom ħafna l-fjuri u n-negozju ridt insemmih għaliha. Infatti lili iktar jafuni b'Memè, milli bi Stephen. Apparti xogħol tal-fjuri fit-tiġijiet u avvenimenti oħra, fil-Milied immur narma s-siġar tal-Milied fid-djar tan-nies. Dan hu żmien li fih inkun impenjat ħafna. Dan l-aħħar, in-nies saret tfittex li tqabbad lil xi ħadd li huwa fil-qasam tad-dekor biex jarmalhom hu s-siġra tal-Milied."

Il-passjoni tidher ċara fi kliemu. Hu jgħid, "Min jiġi hawn se jsib fjuri friski matul is-sena kollha u affarijiet tad-dar. Kull staġun fih tiegħu. Bħalissa se jsib ammont kbir u varjat ta' tiżjin għaż-żmien tal-Milied. Ix-xogħol tiegħi jibda fis-6am u jispiċċa fil-11pm. Tgħallimt li ħaġa trid issir sewwa u tajba, mhux aċċettabbli li x-xogħol ma joħroġx sewwa minn hawn. F'dan iż-żmien tas-sena jimxu ħafna l-girlandi."

Hu jtemm jgħid mal-istess paġna, "Qabel ma ftaħt dan il-ħanut, ħafna mix-xogħol li kont nagħmel kien marbut mat-tiżjin tal-girlandi. Il-Milied inħobbu ħafna ħafna. Is-siġra tal-Milied għandha tifsira partikolari għalija. Tfisser għaqda, tfisser familja. Tfakkarni fi tfuliti meta jiena u ħija konna nieħdu ħsieb narmaw is-siġra d-dar. Jibda missieri jarma d-dawl wara li jiena u ħija nkunu ftaħnieha u rranġajnielha z-zkuk u l-weraq. Ommi kienet toqgħod ħdejna waqt li nżejnuha. Għalija l-Milied jispiċċa fis-6 ta' Jannar u mhux qabel. Il-Milied iġib il-ġabra fid-dar."


Gwida.mt