Nhar is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta' April, Heritage Malta qed tistiednek tesperjenza l-Forti Delimara bħal qatt qabel fi ftuħ speċjali, issa li tlestew aktar xogħlijiet ta' konsolidazzjoni fih.

Il-Forti Delimara huwa eżempju klassiku ta’ fortifikazzjoni kostali Vittorjana. Inbena biex iħares il-port ta' Marsaxlokk taħtu, fit-tieni nofs tas-seklu 19, meta żviluppi mgħaġġla fit-teknoloġija tal-gwerra, flimkien ma’ qawwiet ġodda fil-Mediterran u l-ftuħ tal-Kanal tas-Suez kienu bdew jinkwetaw lill-Ingliżi.

Minn Mejju tas-sena li għaddiet ’l hawn, ix-xogħol ta’ konsolidazzjoni u trattament fil-forti ma qatax, biex illum il-binja reġgħet ingħatat il-konfigurazzjoni sħiħa tagħha kif kienet fl-1964, meta kienet għadha kemm waqfet tintuża mill-militar Ingliż.

Fl-aħħar weekend ta’ April, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jesperjenzaw dan is-sit storiku u jaraw ix-xogħol li sar. Se jsiru tmien dawriet gwidati f’kull ġurnata - erbgħa bil-Malti, fl-10.00am, f'12.00pm, fis-2.00pm u fl-4.00pm, u erbgħa bl-Ingliż, fil-11.00am, fis-1.00pm, fit-3.00pm u fil-5.00pm, li l-biljetti għalihom għandhom jinqatgħu minn qabel.

Fost ix-xogħlijiet ewlenin li saru nsibu t-tneħħija ta’ diversi mqawel mis-snin tmenin, meta l-fortizza ntużat bħala razzett. Dan kixef ħajt storiku magħruf bħala parados, kif ukoll l-art oriġinali tal-konkrit, li t-tnejn imorru lura għall-1880.

Sar ukoll tindif estensiv fil-passaġġi ta’ komunikazzjoni taħt l-art li minn ġol-fortizza jagħtu għall-counterscarp galleries fil-foss, li se jinfetħu għall-ewwel darba u se jkunu aċċessibbli biss għal min jirriserva postu għad-dawriet gwidati.

Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw ukoll uħud mill-kanuni ta’ 38 tunnellata fil-forti, uniċi fid-dinja għax huma l-aħħar tat-tip tagħhom li għadhom fil-post oriġinali tagħhom. Dawn ukoll sarilhom trattament fejn tneħħa s-sadid u ngħatat iż-żebgħa mill-ġdid, b’kuluri storiċi.

Diversi attivitajiet oħra se jassiguraw pjaċir għal kulħadd. Fost dawn insibu spettakli ta’ re-enactment ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, wiri u taħriġ fl-użu ta’ armi airsoft (din l-attività hija abbażi ta’ donazzjoni), u programm imżewwaq għaċ-ċkejknin, b’avventuri u esperimenti eċċitanti.

Il-biljetti għad-dawriet, bi prezzijiet komdi għal kulħadd, jistgħu jinqatgħu hawnhekk: www.heritagemalta.mt/store jew minn kwalunkwe sit jew mużew ta’ Heritage Malta. Il-pubbliku se jkun jista’ wkoll jaqta’ biljetti minn mal-bieb, bi prezz aktar baxx, iżda dawn jagħtu aċċess għall-forti mingħajr gwida. Il-forti se jkun miftuħ mill-10.00am sas-6.00pm matul il-jumejn tal-attività, u se jkun jista’ jintuża spazju biswit bħala parkeġġ.

L-art tal-forti tvarja fil-livelli f’ċerti postijiet, u għalhekk huwa importanti ħafna li l-viżitaturi jilbsu żraben komdi. Is-sit jista’ jkun ta’ sfida għal persuni li jużaw siġġu tar-roti, u partijiet minnhom jistgħu jkunu ta’ sfida għal min isofri mill-klawstrofobija. L-annimali huma milqugħa fis-sit, iżda huwa obbligatorju li jkunu marbuta. Se jkun hemm ukoll postijiet minn fejn jista' jinxtara l-ikel.


Gwida.mt