Permezz ta’ ktiba fuq il-paġna tiegħu, Dr Nicholas Briffa qasam mas-segwaċi tiegħu filmat tal-qsim il-qalb ta’ tifla minn ġewwa Gaza.
Hu qal, “F’dan il-filmat minn Gaża, tifla qed tgħannaq il-karkura ta' missierha. Din il-karkura hija l-unika ħaġa li fadlilha bħala tifkira tiegħu. Missierha nqatel waqt li kien qiegħed jipprova jsib ftit ikel għall-11-il wild tiegħu. L-ebda tifla m'għandha tgħix din it-traġedja. L-ebda ġenitur m'għandu jmut waqt li jkun qed ifittex il-ħobż.”
Kompla billi qal, “Din mhix biss l-istorja ta' familja waħda. Hija r-realtà ta' eluf, kuljum. Il-weġgħa tagħhom mhix politika...hija umana. Il-biki tagħhom mhuwiex aħbar għall-gazzetti...huwa ferita miftuħa li tkompli tnixxi id-demm. Tibżax twassal il-fehma tiegħek. Tibżax ixxerred l-għarfien u żżomm ruħek infurmat. Għax kemm is-skiet kif ukoll il-kompassjoni t-tnejn huma għażla. U l-għażla f'idejk!”
Temm billi qal, “Fl-injoranza fid-diplomazija tiegħi nixtieq nistaqsi - x'qed isibu diffiċli l-pajjiżi Ewropej biex iwasslu messaġġ wieħed, unit u b'saħħtu kontra dak li qed iseħħ f'Gaża? X'inhu jżommhom? X'qiegħed ibeżżahom?”