Permezz ta’ fondi mill-Iskema għall-Kunsilli Lokali għall-attivitajiet kulturali maħruġa mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, sal-aħħar ta’ din is-sena u l-bidu tas-sena d-dieħla se jittellgħu 35 attività kulturali f’Malta u Għawdex.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo. Intqal kif fost dawn l-attivitajiet hemm il-Karnival tas- Sajf, Rabat Sacrum, il-Birgu Fest, il-Karnival tan-Nadur u dak ta’ Ħal Għaxaq.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li bħala Gvern jaraw dawn l-attivitajiet bħala investiment fil-komunitajiet tagħna u li għandhom attendenza mill-familji Għawdxin u Maltin u kif ukoll huma parti mill- kalendarju turistiku ta’ pajjiżna.

“L-għan huwa li jkollna dawn it-tip ta’ attivitajiet mifruxa matul is-sena kollha, kemm matul is-sajf u kif ukoll f’perjodi oħra. Dawn l-attivitajiet għandhom l-għan li joffru lill-komunitajiet tagħna avvenimenti fejn jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familja u l-ħbieb. Ħafna minn dawn l-attivitajiet bdew minn inizjattiva żgħira u llum kibru f’attivitajiet li ħafna Maltin u Għawdxin ikunu qed jistennew. Għalhekk il-Gvern se jibqa’ jkun katalist ta’ dawn l-iskemi permezz tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Segretarju Parlamentari qalet kif dawn l-attivitajiet se jaraw finanzjament dirett mill-gvern ta’ €650,000 li jingħaqdu mal-€550,000 li l-gvern diġà ffinanzja fl-ewwel fażi ta’ attivitajiet kulturali mill-Kunsilli Lokali. Hija temmet tgħid li dan l-investiment huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern huwa kommess u jaħdem b’impenn bl-iskop li naslu għal Viżjoni 2050, bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, Emil Vassallo, qal li d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali qed tkompli tkun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali, f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ proġett soċjali, infrastrutturali u kulturali fost oħrajn. Huwa ta rendikont sħiħ ta’ fejn se jkunu qed jittellgħu dawn l-attivitajiet; f’Ħal Balzan, il-Mosta, San Pawl il-Baħar, l- Imtarfa, Ħal Lija, San Ġiljan, is-Swieqi, il-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, il-Furjana, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Ħal Qormi, iż-Żejtun, Birżebbuġa, il-Gudja, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, il-Marsa, Santa Luċija, Ħaż- Żebbuġ, is-Siġġiewi, l-Imqabba, il-Qrendi, ir-Rabat, Ħal Safi, u f’Għawdex; ir-Rabat, il-Fontana, l-Għasri, il- Munxar, in-Nadur u San Lawrenz.


Gwida.mt