“Żieda Mhux Tas-Soltu Ta' Bejn 4 U 5°C Fil-Mediterran!” – Din Malta Tagħna

Il-paġna Din Malta Tagħna ħabbret li hemm heatwave mhux tas-soltu madwar il-Mediterran. “Żieda mhux tas-soltu ta' bejn 4 u 5°C fil-Mediterran!” kitbu fuq il-paġna.

Il-paġna Maltese Islands Weather offriet ftit iżjed ta’ spjegazzjoni dwar din l-aħbar.

Kitbu, “1) Xi tfisser 'sea surface temperature' (SST)? It-temperatura tal-baħar li tissemmà fil-previżjonijiet tat-temp tirreferi għal-dik li tissejjaħ 'sea surface temperature' (SST), jew bil-Malti, it-temperatura tal-wiċċ tal-baħar. SST hija t-temperatura tas-saff ta’ wiċċ il-baħar, tipikament l-ewwel millimetru.

2) X’inhi mewġa ta’ sħana marittima? L-istess bħal fil-każ tat-temperatura fl-arja. B'definizzjoni, mewġa ta’ sħana marittima hija perjodu ta’ tlett ijiem konsekuttivi jew aktar b’SST li jaqbeż it-temperatura medja għal dak iż-żmien tas-sena b'5°C jew aktar.

3) X’ikkontribwixxa biex wiċċ il-baħar saħan daqshekk malajr? Ir-reġjun kollu tal-Mediterran għaddej minn nuqqas kbir ta’ riħ, baħar kalm u xemx intensa bla waqfien. Dan ifisser li t-trasferiment tas-sħana mix-xemx lejn il-wiċċ tal-baħar qed iseħħ mingħajr interruzzjoni. In-nuqqas ta’ riħ u mewġ ifisser ukoll li l-baħar mhux qed jitħallat. Dan iwassal għal akkumulazzjoni ta’ sħana fis-saff ta’ fuq nett tal-baħar.

4) X’inhuma xi wħud mill-implikazzjonijiet ta’ mewġiet ta’ sħana marittima? Meta l-baħar jisħon wisq, l-ambjent marittimu jbati sew. Numri ta' speċi ma humiex addattati għal baħar sħun daqshekk u għalhekk jibdew imorru lura u xi wħud imutu. Iċ-ċiklu tal-ħajja ta' numru ta' speċi tal-baħar jitħawwad, speċjalment fejn tidħol riproduzzjoni. Aktar minn hekk, l-ambjenti (speċjalment dawk fil-baxx) jinbidlu u jiddegradaw. L-ammont ta' ossiġnu fl-ilma jibda jvarja aktar ukoll. Fl-aħħar minn l-aħħar, xi speċi aljeni jsibuha aktar faċli li jinfirxu f'baħar aktar sħun u b'hekk ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ fuq speċi indiġeni tal-post.

5) Ħafna jgħidu li minkejja din l-aħbar il-baħar għadu jinħass frisk meta jgħumu? Għaliex jiġri dan? M’intix timmaġinaha din! Il-baħar jirċievi l-enerġija mix-xemx fil-wiċċ tiegħu. L-ewwel millimetru tal-baħar huwa l-ewwel li jisħon. Dan is-saff jisħon malajr ħafna. Is-sħana mbagħad tgħaddi lejn saffi aktar profondi tal-baħar, iżda b’mod aktar bil-mod. Il-baħar jisħon gradwalment saff b'saff. It-temperatura tal-wiċċ tal-baħar hija ta’ madwar 26°C. Tinżel għal 24°C sa 1 metru, 23°C sa 7.5 metri, 22°C sa 10 metri, u tkompli tonqos gradwalment. Hija 18°C fil-limitu ta' għaddis rikreattiv ta’ 40 metru. 1°C fl-ilma jagħmel differenza kbira. Jekk tkun wieqfa fl-ilma, il-parti t’isfel ta’ ġismek tkun f’saff aktar kiesaħ. Aktar tard fis-sajf, il-baħar ikun saħan aktar, b'din it-temepratura għolja tkun infirxet aktar fil-fond ukoll, u b’hekk ikun jinħass sħun ferm ukoll. Il-baħar ikun aktar kiesaħ f’bajjiet fondi u miftuħa. Bajjiet esposti għar-riħ mill-Punent ukoll ikunu aktar friski, minħabba li l-ftit kurrent li hemm iħallat is-saff ta’ fuq. It-temperatura tal-ġisem tiegħek hija ta’ madwar 37°C. It-temperatura tal-arja hija ta’ 35°C. F'livell ta' 25°C / 26°C, is-saff tal-baħar fejn tgħum huwa ħafna aktar frisk. Minħabba li hu aktar frisk minn ġismek, ġismek jitlef is-sħana lejn l-ilma, u b’hekk tħossok aktar frisk. L-ilma jiġbed is-sħana minn ġismek madwar 25 darba aktar malajr mill-arja!”

Facebook / Din Malta Tagħna u Maltese Islands Weather


Gabriella Borg