Jidher li fix-xhur li ġejjin se jkomplu jfaqqsu aktar films biografiċi ta’ artisti mix-xena tal-mużika. Dan wara s-suċċess fenomenali ta’ Bohemian Rhapsody dwar Freddie Mercury fejn dawk li marru jaraw il-film mhux talli gawdew l-istorja iżda anki minn mumenti mużikali, jidher li issa għandna nistennew film biografiku ta’ artist ieħor li m’għadhux magħna: Elvis Presley.

View this post on Instagram

A post shared by Elvis Presley (@elvis) on

Il-film se jkun f’idejn l-Awstraljan Buz Luhrmann. Għalkemm dan il-proġett għadu fil-fażi inizjali tiegħu, hemm xnigħat li l-għażla ta’ Luhrmann biex jinterpreta lir-Re tar-Rock ‘n Roll mhu ħadd ħlief Leonardo Di Caprio.

Buz Luhrmann għadnu warajh numru ta’ films kbat fosthom Romeo & Juliet, Moulin Rouge u The Great Gatsby u minħabba f’hekk inħolqot aspettativa kbira għal dan il-film dwar Elvis Presley għax ħafna qed jistennew li dan il-proġett se jkun suċċess kbir.

View this post on Instagram

A post shared by Gentleman's Approval (@gentlemansapproval) on

Ma hemm l-ebda konferma li Di Caprio aċċetta li jidħol għal parti ta’ Elvis Presley iżda jekk dan l-attur jiffirma, hu se jkun wieħed minn żewġ atturi li se jinterpreta dan il-karattru. Dan għaliex il-film se jkun maqsum f’żewġ partijiet, ħajjet Elvis meta kellu bejn it-18 u t-22 sena, imbagħad Elvis wara li kien kiber ftit u kellu aktar minn 35 sena, li għal din it-taqsima tkun interpretata minn Di Caprio, dejjem jekk jaċċetta.

Oriġinarjament il-kitba tal-iskript kienet se tkun f’idejn Kelly Marcel u Jeremy Donner iżda issa qed jingħad li Buz Luhrmann ħa f’idejh il-kontroll assolut tal-proġett u saħansitra se jkun qed jikteb l-iskript ta’ dan il-film.

View this post on Instagram

A post shared by ✨🕊🌜Moon Dove Vintage🌛🕊✨ (@moondovevintage) on

Għalkemm ix-xogħol fuq dan il-film issa qed jimxi b’ritmu mgħaġġel u forsi ħafna jaħsbu li dan qed isir biex id-distributuri tal-films jirkbu fuq l-għatx li hawn bħalissa għal dawn it-tip ta’ films, fil-verita x-xogħol fuq dan il-film ilu li nbeda iżda twaqqaf fl-2014.

Buz Luhrmann jingħad li hu pitma sew f’xogħlu u ma kienx lest li jissokta jaħdem fuq dan il-proġett kemm il-darba ma jkunx konvint minn kollox. U kien għalhekk li tneħħew l-awturi li kienu ngaġġati biex jaħdmu fuq dan il-proġett biex minflok issa qed jikteb huwa stess l-iskript ta’ dan il-film.

Ma hemmx wisq aktar tagħrif dwar dan il-proġett li l-produzzjoni tiegħu qed jingħad li se tibda f’dawn il-ġranet għalkemm jidher li d-distribuzzjoni internazzjonali se tkun f’idejn il-Warner Bros.

View this post on Instagram

A post shared by Elvis Presley O Vira Lata 🇧🇷 (@elvisoviralata) on

Intant, fuq l-istess tema ta’ produzzjonijiet, jidher li Netflix tefgħu l-attenzjoni tagħhom fuq Quincy Jones u f’dan il-perjodu ġie kkummissjonat xogħol biex fil-21 ta’ Settembru jniedu fuq il-pjattaforma tagħhom dan il-film li se jkun jismu sempliċiment Quincy.

Qed jingħad ukoll li se jkun qiegħed wkoll jintwera f’xi swali taċ-ċinema li se jkunu magħżula apposta. Wieħed jistenna u jara liema artist imiss wara dawn li semmejna llum li se jkun qed jingħata mill-ġdid il-ħajja fiż-żmien li ġej.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @elvis


Frederick Zammit