Il-kantanta popolari Julie Pomorski, li għal ħafna snin rebħet il-qlub tal-pubbliku bl-istil mużikali u l-karattru ferrieħi tagħha, ħabbret aħbar sabiħa ħafna – se ssir omm għall-ewwel darba. Julie, li għal dan is-sajf se tkun qed tirritorna fuq l-istazzjoni ONE bħala preżentatriċi, ma żvelatx biss il-proġett televiżiv il-ġdid tagħha, iżda wkoll dan il-kapitlu tant speċjali f’ħajjitha personali.

Julie u l-maħbub tagħha Jeffrey ilhom f’relazzjoni stabbli u mimlija imħabba għal dawn l-aħħar ħames snin, u issa qed jistennew b’ħerqa kbira l-wasla tal-ewwel wild tagħhom. Din l-esperjenza ġdida żgur se ġġib magħha trasformazzjoni importanti fil-ħajja tagħhom bħala koppja.

Dan hu bla dubju vjaġġ eċitanti u emozzjonanti għall-kantanta lokali, u l-fatt li se tkun qed taqsam mumenti minn dan il-kapitlu ġdid mat-telespettaturi ONE iżid dimensjoni oħra ta’ intimità u awtentiċità. Il-programm il-ġdid li se tippreżenta flimkien ma' Renato Vella se jixxandar kuljum wara nofsinhar, u jaf iservi wkoll bħala spazju fejn Julie tkun tista’ tibqa’ viċin tal-pubbliku waqt dan il-perjodu speċjali.

F’isem it-tim kollu ta’ Gwida, nixtiequ nwasslu l-isbaħ xewqat lil Julie u lil Jeffrey. Ninsabu ċerti li din il-fażi se ġġib magħha ħafna mumenti ta’ mħabba, ferħ, għożża u esperjenzi li jibqgħu għal dejjem fil-qalb. Awguri mill-qalb għal din l-avventura sabiħa li għaddejjin minnha flimkien!


Emil Calleja Bayliss