Oxygyn se jkunu qed jipparteċipaw ġo festival għall-ewwel darba u dan ħa jkun fil-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej. Oxygyn tkellmu ma’ Gwida.mt dwar l-esperjenza tagħhom kemm qabel il-parteċipazzjoni kif ukoll dak li hemm qed jitħejja.

X’żamm lil dan il-grupp tant magħqud? “Naħsbu li hemm żewġ affarijiet li żammu lil Oxygyn flimkien matul dawn is-snin kollha. L-ewwel ħaġa hija l-ħbiberija li sibna f’xulxin, li tgħinna naħdmu flimkien u nikkommettu għal dak li qiegħdin nagħmlu.

Il-fatt li nieħdu pjaċjir inqattgħu ħin flimkien waqt li nkunu produttivi huwa element importanti għalina. It-tieni ħaġa hija l-passjoni li kollha kemm aħna għandna, li timmotivana nipproduċu mużika li tesprimi aħna min aħna u dak li nixtiequ ngħidu”

Il-membri tal-grupp qalulna li tant dejjem ħadmu b’dedikazzjoni u għaqda, li aktar ma jgħaddi żmien, isibu aktar ħin biex iqattgħu iktar ħin flimkien.

gh

“Naħsbu li l-laqgħat regolari tagħna jgħinuna biex nidħlu fl-atmosfera tal-proġett li nkunu qegħdin naħdmu fuqu, niddiskutu ideat, u fl-istess ħin nimxu pass pass lejn il-prodott finali li jkollna f’moħħna.” 

Din kienet l-ewwel darba għal Oxygyn li jkantaw bil-Malti ġo festival b’kanzunetti bl-ilsien art twelidhom. X’ħajjarhom?

“Ix-xena tal-mużika Maltija hija waħda li aħna kollha kemm aħna ntiżi fiha, u wara li rajna l-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika, rajna kemm hija pjattaforma relevanti biex l-mużika Maltija tiġi esebita. B’hekk iddeċidejna li nieħdu ċans f’dan il-festival din is-sena.”

“Aħna qatt ma kellna mużika oriġinali bil-lingwa Maltija, allura din kienet sfida ġdida għalina, iżda xtaqna li nagħmlu l-almu tagħna.” Oxygyn jinsabu ħerqana immens biex jinterpretaw il-kanzunetta tagħhom flimkien ma’ orkestra.

gh

Jinsabu entużjasti wkoll biex jieħdu sehem ġo dan il-festival b’esperiment ġdid fl-istil tagħhom. X’jaħsbu dwar l-element ta’ kompetizzjoni? “Fil-verita, kompetizzjoni qatt ma tista tkun taf kif ser tmur.  Peress li l-għan tagħna huwa li nippreżentaw l-istil partikolari tagħna, għandna kurżita kbira dwar kif dan ser jintlaqa' mill-udjenza.”

Oxygyn ma jneħħux il-possibiltà li jkollhom kanzunetti oħra bil-Malti. “Aħna ħadna ħafna gost nesperimentaw mal-lingwa Maltija, jiġifieri min jaf? Forsi jkun hemm aktar siltiet bil-Malti fil-futur; nistennew u naraw.”

X’kellhom xi jgħidulna dwar il-kanzunetta tagħhom ‘Purgatorju'? “Hija ittra astratta mill-artisti indirizzata lill-pandemija tal-Covid-19.  Il-ħsieb li wassal għall-kitba tas-silta hija l-esperjenza li l-grupp tagħna, kif ukoll għadd kbir ta' artisti lokali u internazzjonali oħrajn, għaddew minnha mis-sena 2020 'il quddiem.

Ħafna artisti ħassew telf kbir b'kaġun ta' dak kollu li ġabet magħha l-pandemija, u jien flimkien mal-bqija tal-grupp Oxygyn xtaqna nesprimu l-frustrazzjoni u d-dieqa li ħassejna f'dawn iż-żminijiet.

Minn hemmhekk nibtet l-idea li nużaw il-metafora tal-purgatorju bħala paragun għal dak li konna qegħdin nesperjenzaw; idea li rriżultat fil-prodott finali preżentat f'din id-diska.”

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta. 


Kyle Zarb