Tard ilbieraħ filgħaxija, f’Ħal Għaxaq rajna xow grandjuż bl-LEDs. Xow li ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna minħabba l-oriġinalità u għax probabilment huwa l-ewwel xorta ta’ dan it-tip kemm f’ Ħal Għaxaq u anke f’Malta. Normalment xow bhal dan ikun f’xi diskoteki barra minn Malta fejn jintużaw LEDs biex jikkumplimetaw id-diski li jkunu qegħdin jindaqqu.
B’għoli ta’ 10 metri u b’dijametru ta’ 13-il metru din l-istruttura għaġġbet lil kulħadd b’xow mużikali li sar fil-pjazza ta’ Ħal Għaxaq. Xow ta’ madwar kwarta b’taħlita ta’ diski popolari bħal Bella Ciao, More Than You Know, Loosing It, In My Mind u Jackie Chan fost oħrajn. Diski li bla dubju jġegħluk taqbeż u tieħu pjaċir taħt struttura li tibdel id-dawl skont ir-ritmu tal-kanzunetti.
L-istruttura tal-ħadid maħduma minn Daniel Abdilla u Owen Ellul, ilha tinħadem għal dawn l-aħħar 6 xhur. Din l-istruttura tinkludi 26,000 bozza tal-LED li ġiet maħduma apposta għal din l-attività. Il-makkinarju elettroniku sar kollu mill-inġinier Għaxqi, Malcolm Schembri fejn seta' jikkontrolla kull bozza li kien hemm fl-istruttura minn fuq kompjuter, apparat li bena hu stess. L-immaniġjar ħolistiku sar minn Nathan Abela.
Din l-attività saret biex tiġi mfakkra l-100 sena anniversarju mit-twaqqif tal-kamra tan-nar ta’ San Ġuzepp f’ Ħal Għaxaq. Minn qalbna aħna ta’ Gwida.mt nawguraw lill-Għaxqin kollha l-festa t-tajba! Viva Ħal Għaxaq! Viva San Ġuzepp!