Nicole Frendo se tkun qed tiddebutta fil-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej bl-ewwel kanzunetta oriġinali tagħha. Nicole tkellmet ma’ Gwida.mt dwar l-esperjenza tagħha kemm qabel il-parteċipazzjoni kif ukoll dak li hemm qed jitħejja.

Nicole tkellimna dwar il-fatt li din mhux l-ewwel darba li se tkanta bil-lingwa Maltija. Fil-fatt waħda mill-aktar raġunijiet li tinsab ħerqana għalihom. "Għalkemm din mhiex l-ewwel esperjenza tiegħi li ser inkanta bil-lingwa Maltija f’festival, xorta waħda hija l-ewwel esperjenza tiegħi  fejn ser inkun qed inkanta kanzunetta oriġinali Maltija."

"Ninsab eċitata mmens u ħerqana sabiex inkanta bil-lingwa sabiħa li għandna l-Maltin, għax nemmen li ser inkunu qed nagħtuha l-importanza u r-rikonoxximent li jitħoqilha." Nicole kellmitna dwar il-vantaġġi u żvantaġġi li tara f’kompetizzjoni mużikali mill-esperjenza tagħha.

"Personalment nemmen li l-industrija mużikali, għalkemm iġġib magħha ħafna sodisfazzjon, xi kultant jaf iġġib magħha ħafna diżappunt ukoll. Jiena nemmen li, "il- vantaġġi f’kompetizzjoni mużikali huma ħafna -  l-fatt li sservi bħala sfida personali; bħala ċans biex taqsam dak li tant għandi passjoni għaliha u biex nuru n-nies kemm hemm ħidma wara l-kwinti, sabiex tkun tista’ tittella’ produzzjoni mużikali bħal ma hu Mużika Mużika."

gf

"Apparti minn hekk, isservi bħala ċans biex taħdem ma’ nies ġodda, li hija tant bżonnjuza f’pajjiżna, u tifforma ħbiberiji ġodda li jafu jagħlmuk ħafna. Però l-iżvantaġġi jafu jġorru magħhom diżappunti kbar bħalma huma wegħdiet miksura, tama falza, u persuni diżonesti."

"Sfortunatment, huma żvantaġġi li jafu jaqtgħulek qalbek u xi kultant ssibha diffiċli biex terġa’ tqum lura fuq saqajk, iżda għall-mużika nagħmel kollox." Staqsejna lil Nicole dwar kif tiddeskrivi l-esperjenza tagħha waqt il-vjaġġ ta’ Mużika Mużika sa issa.

"L-esperjenza tiegħi s’issa kienet waħda pjuttost impenjattiva. Mhiex faċli tlaħħaq ma’ mitt elf ħaġa xi kultant, però nserraħ rasi nkun naf li ser nieħu gost waqt attività għall-Mużika Mużika. Bis- saħħa ta’ Mużika Mużika rnexxieli naħdem ma’ nies professjonali mmens, b’talent kbir, u laqqatni ma’ ħafna artisti bravi u umli. Verament m’għandix xi ngerger!"

Kellmitna wkoll dwar l-iktar fażi jew serata waqt Mużika Mużika li tinsab ħerqana għaliha,  "Jekk qed inkun onesta, naħseb li l-aktar fażi li ninsab l-aktar ħerqana għaliha hija l-ewwel serata, għaliex għandi ġenn biex inkun fuq dak il-palk inkanta kanzunetta li tant hi għal qalbi."

Nicole tgħid li f'kanzunetta li ser tinterpreta, iridu jolqtuha l-mużika u l-lirika, u li tara fihom emozzjoni. Tħoss li kanzunetta tiġbidha meta tkun tista' tassoċċja ruħha magħha, anke fuq livell personali.

"B’hekk, jien nfittex biex meta niġi biex nagħżel diska sabiex ninterpretahha, nagħmel ċert li nista’ nassoċċja ruħi magħha, temmozzjonani, u tħallini nesplora lkif nixtieq jien bil-verżjoni tiegħi. Bażikament, fi ftit kliem, diska togħġobni żgur meta tqabbadni l-bard!"

gf

Nicole spjegatilna il-proċess ta' kif nibtet il-kanzunetta Il-Mużika u Jien kif ukoll dwar il-kollaborazzjoni tagħha ma’ George Curmi l-Puse’ u l-mara tiegħu Hilda. "Il- kanzunetta Il-Mużika u Jien oriġinarjament kienet idea ta’ George Curmi l-Puse’. Hu ikkuntattjani sabiex niddiskutu u nikkumbinaw il-viżjonijiet tagħna flimkien biex stajna noħorġu l-prodott finali."

"Però, il-kanzunetta ma setgħetx tkun dik li hi mingħajr l-għajnuna u l-viżjoni tal-music producer tassew bravissimu, Luke Grech. George U Luke ħadmu flimkien biex jipproduċu diska b’viżjoni moderna iżda b’messaġġ li jmiss il-qalb."

"Hilda, ovvjament ikontribwixxiet fil-kanzunetta billi kitbet il-lirika li tant jien kuntenta bihom. Hija fehmet mill-ewwel x’kelli f’moħħi u ħarġet b’ideat brillanti. Onestament ninsab grata ħafna li fl-aħħar kelli ċ-ċans naħdem ma’ tant nies bravi u mimlija talent."


Kyle Zarb