Dr. Mark Sammut huwa ċ-chairman il-ġdid tal-PBS. Mis-27 ta’ Settembru wieħed seta’ jinnota t-tibdiliet drastiċi fi ħdan dan l-istazzjon, fosthom identità ġdida, stazzjon ġdid; TVMnews+ u programmi friski. Tkellimna ma’ Mark Sammut fuq l-iskeda l-ġdida u t-tibdiliet li saru.

TVMnews+. X’inhi l-idea warajh u kif intlaqa’ mill-produtturi? X’ser inkunu qed naraw?

TVMnews+ huwa stazzjon li qed jiffoka iktar fuq l-aħbarijiet, l-isports, il-programmi ta' ġrajjiet kurrenti, il-kultura u d-dokumentarji. Il-produtturi jinsabu entużjasti biex ikunu parti minn dan l-istazzjon ġdid li għandu identità distinta minn TVM minħabba l-kontenut partikolari tiegħu li jitratta avvenimenti li jkunu qed jiġru f'Malta u barra f'oqsma varji.

Taħt it-tmexxija tiegħek saru diversi tibdiliet. X’tixtieq li jsir aktar?

L-intenzjonijiet tiegħi huma li l-PBS isir aktar sostenibbli fir-rigward ta’ użu ta’ riżorsi, jiżdiedu l-produzzjonijiet in-house u l-kwalità tal-kontenut, bil-għan li l-PBS isir il-post tax-xogħol mixtieq minn fost dawk li jaħdmu fil-qasam tal-media.

Id-drama hi waħda mill-affarijiet l-aktar imfittxija. X’ser naraw din is-sena?

Din is-sena minbarra d-drama tant popolari mat-telespettaturi Sorelle, li tixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa, nhar ta’ Tnejn fil-prime time ser tibda sensiela ġdida b’tema polizjeska bl-isem ta’ Noli, filwaqt li t-Tlieta mbagħad ser inkomplu bit-tieni staġun ta’ Nostalġija, dramm li fl-iskeda li għaddiet niżel tajjeb mat-telespettaturi.

X’programmi ġodda ser inkunu qed naraw din is-sena?

Se jkun hemm diversi programmi ġodda din is-sena, ewlenin fosthom programmi taċ-ċentru tal-aħbarijiet u ta' ġrajjiet kurrenti bħalma huma Attwali, Kuxjenza, Carter Jirrapporta, Topik, Resume' u format ġdid għal Ħadt l-Aħbar. Mill-isports, se jkunu qed jixxandru żewġ partiti fil-ġimgħa tal-Kampjonat Premier, waħda s-Sibt u l-oħra l-Ħadd, waqt żewġ programmi sportivi maratona fi tmiem il-ġimgħa li matulhom se jkun hemm aġġornamenti sportivi minn dixxiplini varji.

Programmi oħrajn jinkludu dokumentarji fosthom Għad-Dell ta' San Pietru u Mir-Renju tal-Annimali, programm ġdid ta’ divertiment Mustaċċuni, Aroma Kitchen, Ta’ Filgħodu, breakfast show fuq TVM, Għaddi s’Hawn, morning show ġdid fuq TVM, Moħħok Hemm quiz show kuljum, u game show il-Ħadd bl-isem ta' U Ejja fost affarijiet oħra...

X’programmi ser jibqgħu jixxandru mill-iskedi tal-passat?

Numru ta' programmi se jibqgħu jsiru fuq TVM u TVMnews+ fosthom l-aħbarijiet tat-8 ta' filgħaxija, kif ukoll Xtra, TVAM, Realtà u Insights, kif ukoll se jirritorna X Factor, format ġdid għal Sibtek, is-sensiela Sorelle, Animal Diaries, Niskata, Illum ma' Steph, Venere, Nota f’Nota, Il-Mara, Il-Kollezzjonist, Tertuqa 35, Luxdesign, il-logħbiet taċ-Champions' League u l-Europa League, u 90 Minuta.

Xprogrammi ser ikun hemm għat-tfal?

F’din l-iskeda qed nagħtu importanza lill-programmi ddedikati lit-tfal u liż-żgħażagħ. Għat-tfal, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, ser inkunu qed inxandru l-programm Dr Protomiks, programm b’forma ta’ logħba edukattiva li tgħaqqad l-istorja, is-soluzzjoni tal-problemi u anke l-misteru. Kuljum ukoll Avarù, sensiela inklussiva bl-użu tas-sensi li ser toffri esperjenza unika għall-udjenzi tagħna, u Naqraw Flimkien fejn bi produzzjoni tal-PBS u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu ser inwasslu sensiela televiżiva fejn jinqraw kotba b’mod interattiv sabiex it-tfal jiġu motivati u jitħeġġu jaqraw aktar.

Imbagħad għat-telespettaturi aktar żgħażagħ ser inxandru Backstage; sensiela barranija fejn insegwu l-ansjetajiet, id-diżappunti, il-ħbiberiji ġodda u s-sodisfazzjonijiet ta’ grupp ta’ teenagers b’talent kbir, matul it-tlajja’ u l-inżul tal-ħajja tagħhom fl-iskola prestiġġjuża, Keaton School of the Arts.

Liema huma l-programmi prime time?

Fuq TVM, kif spjegajt qabel, darbtejn fil-ġimgħa d-drama, Noli u Nostalġija, l-Erbgħa programm taċ-Ċentru tal-Aħbarijiet, Attwali, id-dokumentarju Għad-Dell ta' San Pietru nhar ta' Ħamis, il-programm ta' divertiment Mustaċċuni nhar ta' Ġimgħa u X Factor nhar ta' Ħadd.

Din is-sena ser naraw kwiżż shows li kienu neqsin. Għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni?

Kienu ħafna t-telespettaturi li wrew ix-xewqa li nxandru dawn it-tip ta’ programmi u għalhekk ħsibna li nilqgħu t-talba tagħhom b’Moħħok Hemm, kwiżż show mit-Tnejn sal-Ġimgħa fejn ser naraw ir-ritorn ta’ Carlo Borg Bonaci fuq it-TV bħala l-kwiżż master. Programm ieħor fuq stil ta’ logħob ser ikun Nisfidak li jixxandar kull nhar ta’ Ħamis fl-22:00.

Kif qed tiggarantixxi l-kwalità tal-programmi ta’ TVM?

Din is-sena, ix-xandir nazzjonali se jkollu kważi 70% tal-produzzjonijiet in-house u dan mistenni jkompli jsaħħaħ il-kwalità b'iktar sinerġija bejn dipartimenti differenti u investiment fir-riżorsi tal-PBS.

Xi tħobb issegwi inti?

Mill-iskeda tagħna ovvjament insegwi l-aħbarijiet, festivals, diskussjonijiet, sports, quizzes, kummiedji, shows u dokumentarji. Apparti minn dawn, insegwi wkoll sci-fi movies u dokumentarji bbażati fuq ix-xjenza.

X’inhu l-futur ta’ TVM u TVMnews+?

TVM u TVMnews+ għandhom ġeneri ta' programmi differenti għall-gosti ta' kulħadd u bħalma fis-snin li għaddew attiraw bosta udjenzi rekord għandhom ikomplu jsaħħu l-kontenut u jaġġornaw max-xejriet fil-media skont iż-żminijiet biex iżommu u jikkonsolidaw l-eluf ta' telespettaturi ta' TVM u TVMnews+, eluf ta' semmiegħa ta' Radju Malta, Radju Malta 2 u Magic, kif ukoll l-eluf ta' segwaċi fuq tvm.com.mt.

Din l-intervista ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta' Ottubru. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.


Gwida.mt